Il-larinġ aħmar Malti akkwista reputazzjoni ta’ eċċelleza fi żmien meta dan il-frott kien meqjus bħala lussu fl-Ewropa, u n-negozju tiegħu fil-Mediterran kien pjuttost ristrett. Magħruf għat-togħma bnina u għall-fwieħa tiegħu, is-sens ta’ antiċipazzjoni għal-laring Malti huwa ddokumentat ċar fil-qrati rjali u fost l-aristokratiċi. Nhar il-Ħamis, 22 ta’ Novembru, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku ħalli jsir jaf aktar dwar il-ġrajjiet kurjużi tal-larinġ Malti, kif ukoll biex jiskopri kif kiener issir il-marmellata tal-larinġ fl-1748.L-Inkwiżitur Fabio Chigi tant kien iħobb il-fwieħa u t-togħma tal-larinġ Malti illi meta ġie ristrutturat il-ġnien tal-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, huwa ordna li jinżraw is-siġar tal-larinġ. Fl-1635, Chigi jsemmi l-użu regolari tal-larinġ fir-rapport tiegħu dwar ir-rutina tal-konsum tiegħu fir-Randan lis-Sant Uffizzju f’Ruma. Il-kitbiet tiegħu jiżvelaw ukoll kif hu kien itaffi s-sħana qawwija tax-xhur tas-sajf permezz ta’ xarba kiesħa tal-larinġ biz-zokkor.
Il-kwalità eċċezzjonali ta’ dan il-frott Malti ġibed ukoll l-attenzjoni ta’ għadd ta’ vjaġġaturi. Fost it-tifkiriet tal-esperjenzi tiegħu f’Malta fl-1770, Patrick Brydon semma b’tifħir il-larinġ Malti u insista li l-larinġ aħmar Malti kien l-aqwa wieħed fid-dinja.
Il-pjaċir tal-istennija għal dan il-frott ġie nnutat ukoll fost il-qrati rjali tal-Ewropa, partikolarment f’Pariġi. Fl-1780, ħut ir-re ta’ Franza investew fi ġnien miżrugħ bil-larinġ Malti sabiex jassiguraw li jkollhom minn dan il-frott matul is-sena kollha. L-istess jista’ jingħad għan-negozjanti li kienu jikkompetu bejniethom għal-larinġ imkebbeb waħda waħda fil-karti u ppakkjati puliti ġol-kaxxi ħalli jintbagħtu fis-swieq sofistikati Ewropej.
In-natura esklussiva tal-larinġ Malti ġiet iċċelebbrata wkoll fil-forma stampata. Kotba magħrufa tat-tisjir bdew jirreferu speċifikament għal-larinġa Maltija. Eventwalment, iz-zalza Franċiża Maltaise bdiet tiġi meqjusa bħala speċjalità fuq l-imwejjed tal-iprem aristokrazija Ewropeja. Ippreservata u ipproċessata b’modi u f’forom differenti, mill-ilma tal-ward għall-marmellata, il-larinġa u l-prodotti li jsiru minnha baqgħu jgawdu attenzjoni speċjali hekk kif ix-xjenza enfasizzat il-valur tradizzjonali ta’ din il-frotta.
L-avveniment Oranges in 17th and 18th-century Malta jifforma parti mis-sessjonijiet tat-tisjir li qed isiru fil-Palazz tal-Inkwiżitur. L-istoriku Dr Noel Buttigieg se jaqsam tagħrif interessanti dwar il-larinġ mal-parteċipanti, filwaqt li l-kok Josef Baldacchino se jkun qed juri kif kienet tissajjar il-‘composta di bergamotte’ – li kienet marmellata tal-larinġ tal-1748.
Din l-esperjenza sensorjali esklussiva hija limitata għal numru ta’ parteċipanti. Il-flus li jinġabru minn dan l-avveniment ser imorru biex tiġi restawrata l-kċina tal-Palazz tal-Inkwiżitur. Dawk li jattendu se jingħataw kopja kumplimentari tal-ktieb li jitkellem dwar il-proġett tal-Katakombi ta’ Bistra.
Dan l-avveniment se jsir fil-Palazz tal-Inkwiżitur il-Birgu fis-7:30pm.
Biljetti: €12 kull persuna (€10 għall-Membri ta’ Heritage Malta). Dawn jistgħu jinxtraw mis-siti u l-mużewjiet kollha ta’ Heritage Malta, jew online fuq https://shop.heritagemalta.org/index.asp?eventid=488
Għal aktar informazzjoni ċemplu 2166 3731 jew idħlu fis-sit ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org