Għaddew f’idejn il-Puluzija Ġermaniża, żewġ laptops u tlett hard drives li kienet tuża l-blogger Daphne Caruana Galizia qabel il-qtil tagħha fis-sittax ta’ Ottubru li għadda.
Irrapportat dan il-gażżetta, The Times of Malta hekk kif il-Pulizija Ġermaniża wieġbet għall-mistoqsijiet minn ġurnalisti fi ħdan Daphne Project.
Il-Pulizija Ġermaniża kkonfermat li l-apparat elettroniku ta’ Caruana Galizia, għadda f’idejh minn rappreżentanti tal-familja tagħha fis-27 ta’ April li għadda.
L-apparat elettroniku kien f’ċentru ta’ kontoversja wara li Alfred Degiorgio, wieħed mill-akkużati bil-qtil ressaq rikors fil-qorti jostni li kien qed jinkisrilu d-dritt għal smigħ xieraq wara li l-familja rrifjutat li tgħaddi l-laptop lill-maġistrat inkwerenti Anthony Vella.
Fil-kumpilazzjoni tax-xhieda tat-tliet akkużati ħareġ li l-uniku laptop li l-Pulizija kellha aċċess għalih kien dak li caruana galizia kienet tuża qabel l-elfejn u ħmistax.
Rapporti fil-midja internazzjonali qalu li l-Pulizija Ġermaniża kkonfermat mal-Maġistrat Aaron Bugeja li qed jinvesita l-każ Egrant li l-laptops jinsabu fil-pussess tagħha. Hu mifhum li l-Maġistrat issa jista’ jitlob kopja tal-informazzjoni li hemm fil-laptops.