Ħdax-il impjegat tal-Awtorità tal-Artijiet irċevew ċertifikat ta’ rikonoxximent wara li temmew b’suċċess kors ta’ studju fl-Immaniġġjar Sostenibbli tal-Artijiet li ġie organizzat għall-ewwel darba b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta.
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, faħħar din l-inizjattiva li tinvesti biex tħarreġ lill-impjegati tagħha.
Zrinzo Azzopardi semma li, minbarra li r-rwol ċentrali li għandha l-Awtorità tal-Artijiet hu li tamministra l-art f’pajjiżna, għandha wkoll id-dmir li tara s-sostenibbiltà tal-operat tagħha.
Qal,“Permezz ta’ dan iċ-ċertifikat u dan il-kors, numru ta’ ħaddiema ġew imħarrġin f’numru ta’ suġġetti li, permezz tagħhom, inkunu qed inħarsu lejn aktar sostenibbilità f’dak li hu estate managment. Dan hu pass ieħor importanti, flimkien ma’ investiment ta’ aktar riżorsi fi ħdan l-awtorità biex din tilħaq aħjar il-miri tagħha fit-tħaddim u t-tmexxija tal-art pubblika.”
Min-naħa tiegħu, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Robert Vella, tkellem ukoll dwar l-importanza tat-taħriġ għall-impjegati tal-entità.
Stqarr, “Nirringrazzja wkoll lil dawk li pparteċipaw fil-kors, għax huma proprju ta’ eżempju għal kulħadd kif ħaddiema tal-awtorità jistgħu jagħmlu effort waqt li jaħdmu, jistudjaw ukoll biex itejbu ċ-ċans tal-karriera tagħhom.”
Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Professur Maria Attard mill-Università ta’ Malta, li kkordinat il-kors tat-taħriġ.
Qalet, “L-għan kien li naraw il-ħtiġijiet li għandhom l-impjegati tal-awtorità u nibnu programm biex nipprovdu tagħlim bażiku li hu importanti ħafna fl-immaniġġjar tal-artijiet.”