Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar irreaġixxa għal artiklu f’dan is-sit b’rabta mal-ħmieġ f’San Pawl il-Baħar.
Qal li kif inhu magħruf minn kulħadd, l-iskart f’San Pawl il-Bahar jinġabar kuljum, inkluż fil-Ħdud u l-festi pubbliċi, iżda xorta jibqa’ min jipprova jħammeġ, b’intenzjonijiet hżiena.
Fil-każ tal-laħam li deher fir-ritratt, il-Kunsill qal li l-istess residenta li għamlet l-ilment, nhar is-Sibt filghodu, lill-Uffiċċju tal-Kunsill, stqarret li dan sar b’vendikazzjoni. Il-Kunsill qal li hekk kif daħal l-ilment, ittieħdu l-passi neċessarji biex il-laħam jitneħħa b’mod immedjat, kif ġara f’ħin qasir ħafna.
Sfortunatament, qal il-Kunsill, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, għalkemm il-Kunsill joffri bosta servizzi ta’ tindif u ġbir ta’ skart, b’nefqa li taqbeż l-elf Ewro kuljum, xorta jkun hemm persuni li jibqgħu jabbużaw, li jarmu l-iskart tagħhom x’ħin u fejn mhux suppost.
Il-Kunsill appella lill-Gvern Ċentrali jieħu l-passi kollha neċessarji ħalli jsir infurzar iktar qawwi.