Andrew Borg Cardona magħruf bħala ‘Il-Boċċa’ saħaq li l-4% li ma jafux jiktbu u jaqraw u li allura jammontaw għal madwar 20,000 ruħ, huma Laburisti. Sejħilhom bħala Labour Trolls f’kitba li għamel fuq facebook fejn ippubblika silta mill-artiklu tat-Times li jitkellem dwar riżultati mill-aħħar ċensiment. Huwa wkoll semma lill-eks Mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat, li inċidentalment għada jagħlaq 50 sena.
Din mhux l-ewwel darba li l-avukat Borg Cardona, li jkun fl-attivitajiet ta’ Repubblika, infexx f’tgħajjir fil-konfront tal-Laburisti u ta’ min ma jaqbilx miegħu. Borg Cardona ħadem ukoll biex jitqaċċat Adrian Delia minn Kap Nazzjonalista u jsir Bernard Grech.
Ftit tal-ġimgħat ilu, dak li kien kandidat Nazzjonalista u huwa ħaten Beppe Fenech Adami, qal li kwota minn survey tal-Maltatoday, li qal li juri li l-inqas edukati fil-pajjiż, jappoġġjaw lil-Laburisti. Bħall-‘Boċċa’, Kevin Cassar ukoll ikun fl-attivitajiet ta’ Repubblika u jikkritika bl-aħrax lill-Partit Laburista. L-istess ukoll kien jikteb biex fil-Partit Nazzjonalista jitpoġġa Bernard Grech bħala Kap.
Intant l-istudju li bih għajjar lil-Laburisti Andrew Borg Cardona, juri li r-rata tal-litteriżmu żdiedet bi 3% fuq medda t’għaxar snin, jiġifieri mill-2011 għall-2021. B’hekk laħqet is-96%. Dan apparti li anki kien hemm żieda notevoli fl-istess perjodu fir-rata ta’ livelli ta’ edukazzjoni. Fil-fatt l-aħħar ċensiment juri żieda ta’ aktar minn 10% fin-numru ta’ persuni li jgħoddu 15-il sena jew aktar, li gradwaw fil-livell terzjarju.