Il-Labour Migration policy, li tinsab għall-konsultazzjoni pubblika sad-9 ta’ Frar li ġej, mhux biss għandha l-għan li tirregola l-mod kif jinġiebu l-ħaddiema barranin u trażżan l-abbużi b’miżuri ġodda, iżda wkoll li, b’dan, ma toffrix sfidi ġodda.
Partikolarment f’oqsma importanti soċjali, li jiddependu ħafna fuq l-ingaġġ ta’ ħaddiema minn pajjiżi ’l barra mill-Unjoni Ewropea, bħalma hu dak tal-persuni b’diżabilità.
Il-Malta Labour Migration Policy, ibbażata fuq erba’ prinċipji, tagħmel 32 rakkomandazzjoni, ilkoll indirizzati biex isaħħu s-suq tax-xogħol fejn kull ħaddiem irid ikun stmat b’dinjità, inkluż il-Maltin u l-Għawdxin.
Waqt li l-proposti tal-Gvern intlaqgħu tajjeb minn diversi faxex tas-soċjetà, inkluż l-imsieħba soċjali, li jirrappreżentaw is-settur tax-xogħol, l-istess politika ntlaqgħet tajjeb minn Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport.
F’kumment lil ONE News, Scicluna jtenni li din il-policy qed tara li l-ingaġġ ta’ carers ma’ persuni b’diżabilità ma jiġix impattat ħażin.
“Fis-settur tad-diżabilità, fis-settur tal-carers, fis-settur tas-saħħa, jidher li hemm il-bżonn ta’ TCNs biex jaħdmu f’pajjiżna u, fin-nuqqas ta’ human resource minn Malta, irridu npaċu t-tnejn flimkien. Ir-riżorsa umana hi mportanti f’dan is-settur u qed naraw li, bil-proposti li saru f’din il-policy, anke eżempju hemm il-fatt li se tonqos il-fee tas-single work permit.”
OLIVER SCICLUNA
Fil-fatt, din il-politika ġdida nazzjonali qed tipproponi li, waqt li l-ħlas għal single work permit f’każi oħrajn qed ikun propost li jitla’ għal €600, fil-każ tal-ingaġġ ta’ carers biex jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità jkun dak ta’ €150.
Hu kompla jgħid li, bis-saħħa ta’ direttivi ġodda, dawk il-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi lil hinn mill-Unjoni Ewropea se jtejbu l-għarfien tagħhom rigward is-settur.
“Qed naraw li kemm jista’ jkun il-persuni li ġejjin minn third country nationals, inżommuwom hawnhekk, nedukawom ovvjament ikunu iżjed trained, biex ikunu jistgħu jaħdmu iżjed fil-qasam tagħna.”
OLIVER SCICLUNA