Din is-sena, l-kwota tat-tonn għas-sajjieda Maltin u Għawdxin se tkun ta’ 319-il tunnellata.
Dan ifisser, żieda ta’ sebgħa u erbgħin tunnellata meta mqabbel mal-kwota allokata għas-sajjieda fl-istaġun tat-tonn is-sena li għaddiet.
Dettalji dwar l-istaġun tat-tonn li se jiftaħ fil-ħmistax ta’ April, ħabbarhom is-segretajru parlamentari għall-biedja u s-sajd Clint Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet fir-raħal tas-sajjieda f’Marsaxlokk.
F’pajjizna hawn tlieta u sittin sajjied b’liċenzja sabiex li jistgħu jaqbdu t-tonn. Madankollu, din is-sena sajjieda li għandhom l-liċenzja li jistgħu jaqbdu pixxispad jistgħu jaqbdu ukoll tonn.
It-tonn li jinqabad irid jiġi irreġistrat mad-Dipartiment tas-sajd u eventwalment wara jkun jista jinbiegħ. Adreina Fenech Farrugia: Direttu Ġenerali tad-dipartiment tas-sajd spjegat kif id-dipartiment huwa lest li jgħin lis-sajjieda quddiem dawn il-bidliet.
Is-segretarju parlamentari għas-sajd Clint Camilleri ħabbar ukoll li minn għandu dgħajsa inqas minn tnax-il metru jista’ jaqbad elfejn kilo tonn b’mod individwali waqt l-istaġun.
Is-segretarju parlamentari Clint Camilleri qal li l-gvern huwa impenjat li jkompli jgħin lis-sajjieda Maltin.