Statistika tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-sessi għal darb’oħra wriet li n-numru ta’ rġiel għadu jiddomina fuq is-sess femminili f’kull parlament madwar l-Ewropa.
Fl-2019 il-politikanti rġiel fil-Kmamar tar-Rappreżentanti Ewropej ammontaw għal madwar tmienja u sittin fil-mija, filwaqt li l-politikanti nisa kellhom rapreżentanza ta’ anqas min-nofs tal-irġiel b’madwar tnejn u tletin fil-mija.
L-istatistika turi li l-Parlamenti fil-Belġju, Spanja, Portugall, Finlandja u l-Iżveżja għandhom rapreżentenza ekwa taż-żewġ sessi, filwaqt li f’Malta, Kroazja, Ċipru u l-Ungerija hemm rapreżentanza ta’ anqas minn ħames nisa.
Ħareġ kif l-ogħla rwolijiet fil-paritit politiċi wkoll għadhom dominati mill-irġiel. Infatti sa Novembru tal-elfejn u dsatax kienu biss madwar sbatax fil-mija tan-nisa li kellhom it-tmun tal-aqwa partiti politiċi f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Id-doppju ta’ dan il-persentaġġ huma nisa li jokkupaw il-kariga ta’ deputati mexxejja tal-partiti.
Sa sena ilu l-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Awstrija biss kellhom jew għad għandhom Prim Ministru mara.
Kull kabinett tal-pajjiżi Ewropej kienu wkoll dominati mill-irġiel, hekk kif in-nisa kellhom rapreżentanza ta’ madwar tletin fil-mija.
L-istatistika tinnota li l-liġi tal-kwota sabiex tiżdied ir-rapreżentanza tal-mara fil-parlament kienet ta’ suċċess fi ħdax-il Membru Stat, hekk kif dawn il-pajjiżi raw aktar nisa jiġu eletti.
Min-naħa l-oħra l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li għadda, għall-ewwel darba, in-nisa kienu jgħoddu għal iżjed minn erbgħin fil-mija, b’aktar minn tliet mitt mara qed tokkupa siġġu fil-Parlament Ewropew.
Iċ-Ċiprijotti biss m’għandhomx rapreżentanza femminili fil-Parlament Ewropew, filwaqt li Malta għandha tliet nisa minn sitt siġġijiet.
L-istatistika wriet li għall-ewwel darba wkoll il-Kummissjoni Ewropea għandha numru sabiħ ta’ nisa, fosthom il-Kummissarju Ewropew Maltija, Helena Dalli.
Il-Kummissjoni hija mmexxija wkoll għall-ewwel darba minn mara, Ursula Von der Leyen.