Il-kwistjoni tas-Sindku tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami, tmur ferm lil hinn mill-vot f’bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Ikkonfermaw dan sorsi fil-Partit Nazzjonalista li saħqu li mhux ta’ b’xejn Muscat Fenech Adami sfidat lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u għażlet li tibqa’ Sindku tan-Naxxar kontra t-talba li għamlilha permezz tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit.
Fuq kollox din kompliet tixhed l-inkwiet bejn il-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista u s-sorsi tagħna kkonfermaw li għalhekk it-Tnejn filgħaxija hi akkużatu b’logħob partiġjan mhux ibbażat fuq fatti.
L-istess sorsi qalu li nies mis-sezzjoni Kunsilliera li jappoġġjaw lil Muscat Fenech Adami saħqu internament illi kieku kellu jdur dawra madwaru u juża l-istess kejl li pprova juża mas-Sindku tan-Naxxar, Bernard Grech kien ikollu ħafna iktar riżenji x’jitlob.
Iżda, minn naħa l-oħra hemm min għorok idejh b’din il-manuvra.
Jidher li nies qrib Claudette Buttigieg, li tikkontesta d-distrett tan-Naxxar, tgħidx kemm għorku idejhom.
Fil-fatt dawn kienu beżgħana li Muscat Fenech Adami setgħet tikkunsidra l-elezzjoni ġenerali u din xi ħaġa li ma xtaqux peress li fl-aħħar snin is-Sindku dehret iżżid il-popolarità man-Naxxarin.
Għalhekk din id-daqqa li qalgħet mid-Dar Ċentrali niżlitilhom għasel.
Kien l-għada li Grech talab għar-riżenja ta’ Anne Marie Muscat Fenech Adami li hi ħarġet stqarrija permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali.
Kien f’din l-istqarrija li hi akkużat lill-Kap Nazzjonalista b’logħob politiku mhux ibbażat fuq il-fatti.
Quddiem it-talba ta’ Grech biex tirriżenja, is-Sindku tan-Naxxar spjegat li hija għandha tkompli bil-ħidma tagħha skont il-mandat li tawha n-Naxxarin, liema mandat, is-Sindku Naxxarija tgħid li m’għandux ikun imminat bl-ebda logħob politiku.
Intant xhieda li l-ġlied fuq is-Sindku tan-Naxxar kompla jintensifika kien li wara l-istqarrija ta’ Fenech Adami, Bernard Grech ħareġ stqarrija jgħid li se jqabbad il-Kummissjoni Dixxiplina u Etika tal-Partit, biex jinvestigaha.
Muscat Fenech Adami hija waħda minn sensiela ta’ kandidati jew kunsilliera li qed jiksruha minn mal-Kap Bernard Grech.
Apparti Fenech Adami kien hemm fost bosta, il-kandidata Tiffany Abela Wadge, li qalet li tħossha fgata fil-partit ta’ Grech u li l-istess partit ipprova jiċċensuraha milli titkellem fuq temi marbuta man-nisa.