F’laqgħa bejn is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis u s-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Birgu, ġie deċiż li tiġi studjata l-possibilità li jiġu adottati prattiċi alternattivi ta’ kif tkun ikkontrollata l-populazzjoni tal-ħamiem fil-lokalità.
Is-Segretarji Parlamentari fehmu li din is-sitwazzjoni qed tikkawża inkonvenjent serju lir-residenti tal-lokal inkluża l-azzjoni li ppjana li jieħu l-Kunsill Lokali biex jindirizza s-sitwazzjoni. Għaldaqstant ikkommettew ruħhom li l-Gvern jgħin direttament lill-Kunsill Lokali tal-Birgu u lil kunsilli lokali oħrajn li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni simili f’tentattiv li jintlaħaq bilanċ ġust.
Fid-dawl ta’ dan, il-Kunsill Lokali tal-Birgu kkonferma li f’dan l-istadju se jabbanduna l-pjan imfassal biex tkun ikkontrollata l-populazzjoni tal-ħamiem fil-lokalità – liema pjan kien skedat għal għada l-Ħamis 22 ta’ Ġunju, 2017.