Sorsi li tkellmu ma’ one.com.mt qalu kif allegetament il-moħħ ewlieni wara l-bomba kien Paul Farrugia magħruf bħala l-‘Kwattru’ u li huwa wieħed mis-suspettati li tressqu l-qorti dalgħodu.
Huma spjegaw li hemm suspetti qawwija li Farrugia għażel li allegatament joqtol lil Scicluna sabiex ma jonorax xi negozju marbut ma’ bini, ta’ ammont sostanzjali ta’ flus bejn iż-żewġ partijiet.
L-istess sorsi qalu kif allegatament jista’ jkun hemm xi konnessjoni bejn il-bomba li qatlet lil Martin Cachia fis-sittax ta’ Jannar tal-elfejn u sittax u dan il-każ.
Intant, It-tliet suspettati li allegatament kienu l-moħħ wara l-bomba li tpoġġiet taħt il-karozza ta’ Mario Scicluna fl-erbgħa ta’ Jannar illi għadda fil-Fgura ma’ ngħatawx il-Ħelsien mill-Arrest u qed jinżammu fil-faċilita’ korrettiva ta’ kordin.
Lorenzo Callus ta’ disa u erbgħin sena mill-Qrendi magħruf bħala l-Ħeswes, flimkien ma’ Jonathan Farrugia ta’ disa u għoxrin sena minn Birżebbuga magħruf bħala ‘Ġanni ta’ Nina’ u Paul Farrugia ta’ erba u tletin sena mix-Xgħajra magħruf bħala l-‘Kwattru’ dalgħodu dehru quddiem il-maġistrat Aaron Bugeja.Huma wieġbu mhux ħatja li wettqu attivitajiet kriminali, fosthom li ħadmu jew ikkummissjonaw splussiv bil-ħsieb li joqtlu jew ipoġġu fil-periklu ħajjet Mario Scicluna u s-sieħba tiegħu Elaine Galdes.
Dawn tressqu l-Qorti fid-disgħa u nofs ta’ dalgħodu taħt sigurtà stretta, wara operazzjoni t’arrest li saret mill-forzi tal-Ordni bejn il-Ħamis filgħodu u l-Ġimgħa waranofsinhar.
Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni imexxija mill-Ispettur Keith Arnaud spjegat kif seħħ l-arrest ta’ dawn l-erba’ suspettati – li wieħed ngħata l-‘Police Bail’ filwaqt li għall-oħrajn il-Maġistrat ikkonvalida l-arrest mingħajr l-ebda oġġezzjoni mid-difiża.
Fis-seduta ħareġ kif it-tliet akkużati huma riċedivi għal diversi sentenzi fil-passat u għalhekk il-Qorti ordnat li tiffriża l-assi kollha tagħhom, filwaqt li tissekwestra l-propjetajiet tagħhom.
Intant, Paul Farrugia qed jigi akkużat ukoll li allegatament kellu fil-pussess tiegħu sigaretti mingħajr dazju mħallas, dan bil-ħsieb li jiffroda lill-Gvern.
Allegatament f’din l-operazzjoni nstabu mal-mitejn elf sigarett tal-kuntrabandu.
Dan filwaqt li Jonathan Farrugia allegatament nstab fil-pussess ta’ droga Ii ma’ kinitx għall-użu tiegħu u Lorenzo Callus kien fil-pussess ta’ armi tan-nar mingħajr liċenzja.
Fil-Qorti ddomina s-skiet mit-tliet akkużati li għażlu li ma jwieġbu għall-ebda mistoqsija.
Għall-akkużati qed jidhru l-Avukati Roberto Montalto, Franco Debono, Arthur Azzopardi u Christopher Chircop filwaqt li Parte Civile għall-Mario Scicluna u Elaine Galdes qed jidher l-Avukat Mario Mifsud.
Intant waqt l-istess operazzjoni ġie arrestat ukoll Samuel Camilleri ta’ sitta u erbgħin sena minn Ħal Qormi, li però l-investigaturi ma’ rawlu l-ebda rabta mal-każ tal-bomba.
Filfatt fil-qorti huwa ttella’ b’mod separat akkużat biss b’pussess ta’ sigaretti tal-Kuntrabandu fejn allegatament fil-pussess tiegħu kellu 24 kaxxa b’50 kartuna b’200 sugarett kull kaxxa. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.