Il-kwarantina fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far ġiet estiża wara li lbieraħ tħabbar li kien hemm każ ġdid ta’ persuna infettata bil-Coronavirus.
Dan sostnietu llum fl-aħħar aġġornament, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Il-Professur Gauci qalet li fl-aħħar sigħat saru 96 test fuq residenti f’dan iċ-ċentru iżda ħadd ma rriżulta fil-pożittiv.
Ir-residenti fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far kienu ġew ordnati joqogħodu fi kwarantina obbligatorja sa mill-Ħadd 5 t’April iżda din l-ordni ġiet estiza minn tal-inqas darbtejn wara li feġġew każijiet ġodda f’dan iċ-ċentru.
Sa issa hemm 48 każ ta’ Coronavirus f’dan iċ-ċentru u fiequ 7 residenti.