Il-Kummissjoni Venezja tat raġun lill-Gvern Malti u saħqet li l-Abbozz li jemenda l-Kostituzzjoni, jiġifieri abbozz numru 166 u l-abbozz li jemenda l-att tal-interpretazzjoni, abbozz numru 198 ma jmorrux kontra d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.
Din il-liġi li qed jipproponi l-Gvern se twassal biex il-multi jinħarġu minn uffiċjali jew awtoritajiet, hekk kif dan s’issa jista’ jsir biss mill-Qorti.
Dan ir-rapport ħareġ wara li l-Gvern talab parir lill-Kummissjoni Venezja f’April li għadda, hekk kif il-Gvern qal li se jagħmel l-almu tiegħu sabiex ikun hemm tisħiħ tas-saltna tad-dritt.
L-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja tikkonferma l-pożizzjoni tal-Gvern Malti li l-emenda kostituzzjonali sabiex l-Awtoritajiet Pubbliċi jingħataw aktar poteri, mingħajr l-ebda preġudizzju lid-dritt ta’ smigħ xieraq, għandha ssir permezz tal-emendi fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, partikolarment l-artikolu 39.
Dan ir-rapport mill-Kunsill tal-Ewropa rrimarka li f’ġieħ is-sovranità tal-pajjiż, huwa f’idejn l-awtoritajiet Maltin li jressqu l-liġijiet u jilleġiżla l-Parlament tal-pajjiż.
Il-Kummissjoni Venezja saħqet ukoll li kull minn għandu maġġoranza Parlamentari għandu jippromwovi d-djalogu u l-kunsens.
Fl-opinjoni tagħha l-Kummissjoni Venezja tirrikonoxxi wkoll li l-poter tal-imblukkar tal-minoranza għandu jkun użat b’attenzjoni u mfassal speċifikament għall-kuntest kostituzzjonali u l-politika nazzjonali.
B’rabta ma’ din il-fehma, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis stqarr li huwa jinsab sodisfatt bix-xogħol tal-Gvern wara li hu talab għal djalogu mal-Kummissjoni Venezja fuq din il-kwistjoni.
Saħaq li huwa ferm importanti li nkomplu naħdmu favur sistema tal-ġustizzja aktar effiċjenti u aċċessibbli.
Il-Ministru Zammit Lewis stqarr: “Tana raġun bl-emenda li konna se nagħmlu fil-Kostituzzjoni, konna se nżommu min-naħa niggarrantixxu smigħ xieraq liċ-ċittadin, però lill-awtoritajiet tagħna jaħdmu u jkunu effettivi kontra l-ħasil ta’ flus, kontra l-kriminalità organizzata. Issa nistenna illi billi hemm bżonn żewġ terzi biex tiġi emendata l-Kostituzzjoni, l-Oppożizzjoni tkun responsabbli, tpoġġi bilqegħda u tagħtina l-appoġġ biex dan l-abbozz jgħaddi ħalli f’Malta tibqa’ msemmija bħala ġuridizzjoni serja u nġibu aktar xogħol u investiment serju lejn pajjiżna.”