Il-Kurunell Alexander Dalli, issospenda lilu nnifsu minn Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, ingħad li s-sospensjoni daħlet fis-seħħ b’effett immedjat wara laqgħa mal-Ministru Byron Camilleri aktar kmieni dalgħodu.
Fl-istess stqarrija ġie spjegat li l-inkjesta Maġisterjali dwar l-operat tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minn tim ta’ professjonisti li bdiet numru ta’ ġimgħat ilu, għadha għaddejja u għandha sservi ta’ bażi għal aktar riformi ħolistiċi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Intant, dalgħodu, għall-ħabta tas-sitta u nofs, raġel ta’ nazzjonalità Indjana nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Ir-raġel instab mill-uffiċjali li kienu qed jagħmlu r-rondi ta’ filgħodu.
Fi stqarrija mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, ġie spjegat li l-ewwel investigazzjonijiet juru li l-kawża tal-mewt kienet suwiċidju hekk kif instabet ukoll nota miktuba minnu.
Il-Pulizija tad-Distrett għaddejjin bl-investigazzjonijiet u nħatret ukoll inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa, Nadine Lia.