Sentejn oħra l-metodu ta’ kif jinħadmu l-marki tal-eżamijiet tal-Matrikola se jinbidel sabiex għall-ewwel darba, l-istudenti se jkunu jistgħu jiksbu sa 20% tal-marka għal kull suġġett mix-xogħol li jkun sar fl-iskola.
Qal dan id-Direttur tal-Bord tal-MATSEC Dario Pirotta, fejn spjega li minħabba din il-bidla, li se tagħti aktar piż lix-xogħol skolastiku, l-eżamijiet kollha tal-Matrikola jridu jibdew isiru fl-aħħar tat-tieni sena tal-kors.
“Se ndaħħlu sistema ta’ school assessment li se jagħti sa għoxrin fil-mija għall-marka finali. L-istudenti jew il-programm kif għedt huwa ffukat fuq il-formazzjoni tal-istudent ma rridux l-istudenti jkunu moħħhom biss biex nagħtu l-eżamijiet allura huwa tajjeb li l-istudenti jistgħu jagħtu jew ipoġġu għall-eżami fl-aħħar tat-tieni sena.” Stqarr Pirotta.
Dwar l-eżami tal-Oqsma tal-Għerf jew kif inhu magħruf Systems of Knowledge li s’issa kien obbligatorju għal kulħad, Dr Pirotta qal li dan is-suġġett se jibda jiffoka aktar fuq il-komunikazzjoni u ħiliet tal-ġurnata tal-lum u l-eżami tiegħu se jispiċċa u jinbidel f’assessjar kontinwu li jsir tul il-kors.
Fost l-aktar proposti li qajmet diskussjoni kienet dik li kull student se jibda jkollu jistudja ilsien barrani minbarra l-Malti u l-Ingliż. Pirotta spjega li b’din il-proposta l-MATSEC se tintroduċi suġġetti ġodda li jiffukaw fuq l-aktar elementi bażiċi tal-lingwa.
“Sentejn oħra jiġifieri fl-2021 studenti li bdew is-sixth form ikollhom bżonn jitgħallmu lingwa barranija. Minn sena oħra se ndaħħlu erba’ suġġetti oħrajn jiġifieri profiċenzja fil-lingwa, f’erba’ lingwi li huma differenti milli għandna bħalissa u dawn l-4 suġġetti jassessjaw l-istudenti fuq l-erba’ ħiliet tal-lingwa.” Kompla d-Direttur tal-Bord.
l-espert tat-tagħlim tal-lingwi Dr Mario Pace spjega li huwa importanti li student ikollu għarfien bażiku ta’ lingwa oħra apparti l-Malti u l-Ingliż. Fakkar li s-suġġetti l-ġodda se jiffukaw fuq l-aktar elementi bażiċi u importanti tal-lingwa magħżula.
“It-tagħlim tal-lingwi se jkunu fuq profiċenza. Meta nitkellmu fuq profiċenza jiġifieri li wieħed jitkellem u jikkomunika b’lingwa barranija. Kull lingwa hija maqsuma b’4 ħiliet bażiċi u se tinagta importanza indaqs lil dawn l-erba’ ħiliet, il-mitkellem, il-qari,is-smigħ u l-kitba. Dan il-kors f’livell intermedju mhux se jkun hemm letteratura u kultura iżda se jkun iffukat fuq komunikazzjoni.” Ikkonkluda Pace.