Fi stqarrija l-Kurja ilmentat li fid-diskors tal-baġit, ma kien hemm ebda referenza għal studju li ppropniet hi.
Kienet proponiet li jsir studju nazzjonali dwar il-propjetà. Il-proposta kienet stiednet lill-Gvern “biex jalloka fondi għal studju dwar id-domanda u l-provvista tal-propjetà f’Malta u l-ambjent ekonomiku u fiskali li jaffettwa il-propjetà”.
Il-Kurja, permezz tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, qalet li qed “terġa’ tistieden lill-Gvern biex jiffinanzja studju ta’ dan it-tip u l-aġġornamenti tiegħu”. Qalet li “l-approvazzjoni ta’ ċerti proposti ta’ żvilupp u t-tfassil ta’ ċerti policies ta’ ippjanar jitfgħu dubju dwar jekk dawn humiex qed iħarsu lejn il-perspettiva wiesgħa, jiġifieri l-ġid komuni, jew inkella humiex qed jagħtu iktar importanza lil interessi settorjali dejqa ħafna”.
Fl-istqarrija tagħha l-Kurja qalet li “stqarrijiet bħal “l-ekonomija qed tikber” mhumiex biżżejjed biex wieħed jispjega jew jiġġustifika ż-żieda fil-bini li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jibqa’ vojt jew ikun ta’ ħsara għall-ġid komuni”. Qalet li bħalissa hawn “policy żgwidata” li qed tirriżulta fi braġ ta’ ġebel fil-kampanja li qed jirxuxtaw u jsiru bini residenzjali.
Dwar l-istudju li qed tipproponi, il-Kurja għandha ideat ċari: “wara li jitlesta, għandu jkun aġġornat b’mod regolari u jkun sors importanti ta’ informazzjoni għall-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) u l-Pjanijiet Lokali. Jekk ma jsirx hekk, deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent mibni ma jistgħux ikunu deċiżjonijet infurmati kif wieħed jistenna speċjalment fil-każ ta’ pajjiż b’densità ta’ popolazzjoni għolja bħal tagħna”.