Fi tmiem il-ġimgħa, Casa della Madonna di Manresa fil-Furjana, jew aħjar, il-binja li sservi bħala l-Kurja tal-Arcidjoċesi Maltija, fetħet il-bibien tagħha għall-pubbliku.
Dan biex kulħadd ikun jista’ jara u japrezza x-xogħol li tagħmel fis-soċjetà Maltija, anki permezz tad-diversi għaqdiet li għandha taħt il-patronċinju tagħha bħall-Caritas, il-Fondazzjoni Sebħ u d-Dar tal-Providenza.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, tkellem dwar l-aspetti storiċi tal-binja.
Qal, “Din il-binja, dan il-Palazz li għandu mitejn u tmenin sena, għandek ir-rifettorju, għandek il-kappella, għandek il-kripta. Dawn kollha huma postijiet storiċi u tajjeb li naprezzaw il-wirt kulturali tagħna wkoll.”
Dan il-Palazz serva wkoll ta’ Seminarju, u kien fl-elf, disa’ mija u sebgħa u sebgħin, li l-amministrazzjoni tal-Knisja f’Malta mxiet mill-binja li kellha fil-Belt għal dan il-Palazz fil-Furjana.
Fost il-postijiet li nfteħu għall-pubbliku hemm il-kripta li nfetħet għall-ewwel darba, u li fiha artal akkumpanjat minn xelter taħt l-art.
Apparti minn hekk, il-pubbliku seta’ jara l-proċess ta’ restawr ta’ dokumenti.
Dan kollu jmur id f’id mar-restawr li sar fl-aħħar snin fil-Kurja kemm minn barra u wkoll minn ġewwa f’postijiet bħas-sagristija.
Matul il-jumejn li l-Kurja kienet miftuħa, saru diversi laqgħat biex dawk preżenti jifmhu aħjar id-diversi għanijiet li għandha l-Arċidjoċesi.