L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Mark Pellicano bħala l-kap il-ġdid tas-Safeguarding Commission tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, li tinvestiga każijiet ta’ abbuż fi ħdan il-Knisja u tippromwovi l-benesseri tat-tfal u tal-adulti vulnerabbli.
Fi stqarrija l-Kurja ħabbret li Pellicano se jieħu post Andrew Azzopardi. Pellicano kien Senior Manager tas-Servizzi tat-Tfal fi ħdan Fondazzjoni Sebħ – organizzazzjoni tal-Knisja li toffri residenzi lil tfal li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-familji tagħhom – għandu esperjenza estensiva f’dan il-qasam minħabba li okkupa diversi karigi, kif ukoll huwa lettur fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta.
Is-Sur Pellicano qal li l-Kummissjoni se tkompli tagħmel enfasi kbira fuq miżuri preventivi u taħriġ ibbażat fuq ir-riċerka u l-aħjar prattiċki; u taħdem id f’id ma’ bord ta’ esperti ġejjjin milll-oqsma soċjali, psikoloġiċi, u psikjatriċi.