Fi tmiem din il-ġimgħa l-binja storika tal-Kurja se tiftaħ il-bibien tagħha għal pubbliku.
Binja bi storja ta’ mitejn u sebgħin sena li sa issa serviet biss ta’ Kurja għall-erbgħin sena/
Fi żjara li għamilna stajna naraw il-postijiet li l-pubbliku se jkunu jista’ jżur.
Il-binja tal-Kurja kienet dar tal-irtiri u twaqqfet minn Rossignoli, Ġiżwita li naqqax ismu fuq din il-binja fil-Floriana.
Waħda mis-swali li tispikka u li se tkun esposta għall-pubbliku hija dik tar-reffertorju fejn hemm pittura rari tat-tluq ta’ San Pawl minn gżiritna.
Punt ieħor ta’ interess għall-pubbliku fi tmiem il-ġimgħa jista’ jżur il-Kurja huma numru ta’ dokumenti arkivjati, fosthom dokument iffirmat minn Napuljun Bonaparte li jisħaq fuq il-permess li tah lid-djoċesi biex l-Isqof ikun jista’ juża l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann f’funzjonijiet reliġjużi.
“Se jkollna wkoll diversi esebizzjonijiet dwar arkivji u affarijiet li kienu riċerkati illi tajjeb illi nesponuhom għall-pubbliku. Fuq se jkollna wkoll wirja tal-pittur Joseph Calleja. Se jkollna wkoll kunċert permezz ta’ kitarrista u arpista u se jkollna wkoll treasure hunt għat-tfal biex hekk inkunu jcaterjajna għal familja kollha.”
Ma jistax jonqos li l-kappella li tilqgħek fid-daħla tal-Kurja wkoll fiha x’wieħed japprezza, fejn fiha hemm fdalijiet ta’ San Kalċidon li kienu nġabu minn Ruma.
Din il-kappella forma ovali għandha pittura tal-Missier Etern li ġiet irrestawrata u issa tista’ tiġbed l-ammirazzjoni tal-pubbliku barra l-istess kappella.