Stqarrija tal-Kurja tal-Arċisqof dwar l-inċident fejn qassis fil-Knisja taż-Żurrieq ġie ffilmjat jgħid kliem iebes kontra l-parruċċani tiegħu, ġiet milqugħa minn baraxx ta’ kummenti favur l-istess saċerdot u fl-istess ħin kundanna għaliha li kienet pronta toħroġ tgħid li dan kien “abbuż” meta f’każi tassew gravi ma qalet xejn.
Anke qassisin oħrajn ħarġu jirrimarkaw dwar dan.
Fuq il-midja soċjali uffiċjali tal-Kurja, il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li kkummentaw qabblu lis-saċerdot fiż-Żurrieq anke mal-ġrajja Bibblika ta’ meta Kristu wkoll qabżitlu u rvella fit-tempju t’Alla.
Fl-istess ħin, ġibdu l-attenzjoni li t-tmexxija tal-Knisja f’Malta reġgħet uriet kif timxi bid-double standards. Dan għax, filwaqt li malajr ħarġet stqarrija tgħid tagħha dwar l-inċident u l-filmat li kien qed jiċċirkola pubblikament, baqgħet biss fommha mitbuq dwar każi skandalużi fejn kellha iżjed xi tgħid.
Każi li seħħew fi ħdan l-istess Knisja stess u mhux biss kien hemm abbużi tassew gravi, bħal dak f’Lourdes Home t’Għawdex jew kummenti ta’ saċerdoti oħrajn, bħalma hu David Muscat, li appoġġja kummenti razzisti jew tkellem fil-pubbliku anke dwar l-attività sesswali tiegħu.
Iżda wkoll fejn il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa imbotta riżoluzzjoni fl-Unjoni Ewropea li kienet tinkludi attakk kontra Malta, għax għad m’għandhiex l-abort legalizzat, jew fil-kwistjoni tal-artijiet fil-Qala fejn, wara li l-Arċisqof ċeda l-poter fuq il-fondazzjoni li tamministrahom, familja diġà ġiet ordnata tiżgombra minn darha.
Dwar il-kwistjoni tal-filmat tal-qassis fiż-Żurrieq, ikkummentaw ukoll il-Kappillan ta’ Raħal Ġdid u l-Arċipriet tal-Isla fejn qablu li l-pubblikazzjoni tal-istqarrija tal-Kurja hi stramba u misterjuża, aktar u aktar meta “xi ħadd kellu joħroġ mill-hibernation il-Ħadd”.
Fost oħrajn, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet, fl-istqarrija, li “tesprimi d-dispjaċir tagħha għall-inċident li jikkonċerna wieħed mis-saċerdoti tal-parroċċa taż-Żurrieq” u li “tieħu b’serjetà kbira inċidenti ta’ abbuż verbali u abbuż ieħor”.
Sadanittant ikkummentat anke Alessandra Dee Crespo, li hi impjegata mill-Kurja tal-Arċisqof stess, fejn qalet li “kieku kienu jeżistu kameras anke lil Kristu kienu jiffilmjawh meta qabżitlu talli min mar fit-Tempju ma wrewx ir-rispett dovut.”