Fl-2022, l-Arċidjoċesi ta’ Malta rat żieda fid-dħul tagħha fuq is-sena ta’ qabel filwaqt li rreġistrat defiċit ta’ €8.8 miljuni, l-aktar minħabba telf fl-investimenti tagħha kawża tal-isfidi kbar preżenti fis-swieq finanzjarji.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet dwar ir-rapport finanzjarju annwali tal-Knisja Malta.
Fl-ispjega tiegħu, is-Segretarju Amministrattiv Michael Pace Ross Ross spjega li l-effett tal-gwerra fl-Ukrajna, iż-żieda fir-rati tal-imgħax, u l-inflazzioni affettwaw ħażin id-dħul tal-Arċidjocesi, li tiġbor fiha aktar minn 100 entità u timpjega 1,300 persuna.
Dwar id-dħul tal-Arċidjoċesi fl-2022 ġie spjegat kif dan ġie primarjament minn fondi tal-gvern li ammontaw għal 36%, donazzjonaijiet b’17% u dħul b’investiment b’16%, fost oħrajn.
Intant, l-infieq ammonta għal qrib €56 miljun u li żdiedet b’€7.3 miljun meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Il-biċċa kbira minnhom, jiġifieri mat-33% marru għar-rimunerazzjoni lill-qassisin u Lajċi jiġifieri kważi €34 miljun. B’kollox fl-2022 din ir-rimunerazzjoni kopriet 249 qassis Djoċesan. Iż-żjara tal-Papa, swiet lill-Arċidjoċesi mad-€900,000. L-Arcidjoċesi ħallset €2.5 miljun f’taxxi. Aktar minn €1.2 miljun ingħataw lil-persuni fil-bżonn, filwaqt li ntefqu €3.4 miljuni għall-manutenzjoni, ir-restawr, u l-konservazzjoni ta’ proprjetà u patrimonju ekkleżjastiku.
Dwar il-Kurja ġie nnutat dħul ta’ kważi €10.3 miljun u żieda fil-ħruġ li laħqet aktar minn €12.3 miljun ewro.
Id-dħul, jiġifieri ta’ 64%, kien ġej minn dħul b’investiment primarjament permezz tad-dividend tal-bank APS. Id-donazzjonijiet żdiedu wkoll b’punt perċentwal fuq l-2021. Dħul minn kirjiet ta’ propjetà ammonta għal 4% u l-kontribuzzjoni mill-parroċċi għar-rimunerazzjoni tal-qassisin ammontat għal madwar 10%.
Il-ħruġ tal-Kurja, primarjament mar fuq rimunerazzjoni tal-qassisin u impjegati, li naqas meta kkumparat mas-sena ta’ qabel. 11% mar ukoll għal spejjeż relatati ma’ operat. 7% mar ukoll għaż-żjara tal-Papa f’pajjiżna s-sena li għaddiet. Żdiedu wkoll bi 2% d-donazzjonijiet tal-kura fuq is-sena ta’ qabel.
F’isem l-Isqfijiet ta’ Malta, is-Sur Pace Ross irringrazzia lill-ħaddiema, il-voluntiera u l-poplu Malti kollu għas-sapport tagħhom sabiex il-Knisja tkompli b’ħidmietha anke f’dawn iż-żminijiet.