Kurċifiss tas-Seklu 19 attribwit lil Alessandro Farrugia se jiġi restawrat permezz tal-appoġġ tal-Bank of Valletta. Farrugia, jew Mastru Xandru kif kien magħruf aħjar, huwa wieħed mill-artisti artiġjani li twieled u għex iż-Żejtun. Student tal-iskultur rinomat Mariano Gerada, ħalla numru ta’ teżori, l-aktar imnaqqxin fl-injam jew fil-ġebel fil-knejjes tagħna madwar il-gżira kollha, kif ukoll statwi tal-ġebel bħala niċeċ fit-toroq, partikolarment fiż-Żejtun.
L-iskultura li tinsab fil-Knisja ta’ Santa Barbara (tal-Kapuċċini) fil-Kalkara, hija datata għall-1851 u minquxa fl-injam u l-polikromata. Il-kurċifiss juri s-sagrifiċċju, l-impenn, il-fidwa u fuq kollox l-imħabba ta’ Kristu, madankollu din l-opra tal-arti partikolari hija ħafna anqas grotteska u ffukata fuq il-ġrieħi li sofra Ġesù Kristu fuq ġismu.
Charles Azzopardi, Kap Dipartiment tas-CSR tal-Bank of Valletta, iltaqa’ ma’ Dun Miguel Zammit, Maria Grazia Zenzani u Valentina Lupo mill-Atelier Del Restauro meta l-kurċifiss kien qed jiġi meħud lejn il-laboratorju tar-restawraturi.
‘Studji preliminari wrew li matul is-snin, għal diversi drabi, l-istatwa ġiet miżbugħa żżejjed, u dan wassal biex jinbidlu l-kwalitajiet estetiċi ta’ din ix-xogħol tal-arti. Ġew identifikati mill-inqas żewġ saffi ta’ żebgħa żejda għalkemm huwa probabbli ħafna li hemm aktar saffi preżenti,’ qalet is-Sinjura Zenzani.
‘Il-kurċifiss se jitpoġġa għal aktar osservazzjoni u investigazzjoni xjentifika tal-polikromija u l-istratigrafija tagħha biex nifhmu aħjar il-firxa taż-żebgħa żejda preżenti kif ukoll it-teknika ta’ manifattura użata mill-artist biex tiżgura l-aħjar metodi ta’ restawr.’