Wara li t-Tlieta tressaq fil-Qorti Justin Mallia ta’ 25 sena minn Bormla, li allegatament kien responsabbli fis-serq ta’ żewġ midalji storiċi mill-Mużew Marittimu tal-Birgu, ONE News ħa l-opportunità li jiltaqa’ mal-kuratur tal-istess mużew, Liam Gauci, li spjegalna l-importanza storika li għandhom dawn iż-żewġ esebiti fl-istorja ta’ Malta.
Il-midalji, li għandhom valur li jlaħħaq l-€400,000, ġew irritornati lura f’posthom minnufih, grazzi għal investiment fl-aħħar snin fis-sistema tas-sigurtà fil-post, li biha seta’ jiġi rikonoxxut l-allegat ħalliel, li fil-Qorti ħareġ li kien ippoża bħala ħaddiem tal-Mużew.
Issa li l-artifatti storiċi ta’ aktar minn mitejn sena sabu posthom lura għall-wiri, Liam Gauci tana deskrizzjoni ta’ dawn il-midalji li, għalkemm ma fihomx kwantità kbira ta’ deheb, għandhom iżjed valur ta’ identità nazzjonali.
Qal, “Fuqhom hemm imnaqqxa l-arma ta’ Malta – il-ħamra u bajda. Fuq in-naħa l-oħra hemm miktub ‘Patria Liberata’. Dan hu s-simbolu nazzjonali ta’ identità nazzjonali fejn ifakkarna li missirijietna, fl-1798 u l-1800, bejn dak il-perjodu, kien hawn rivoluzzjoni fejn ’il fuq minn 20,000 persuna mietu għalina biex aħna llum għandna dan il-pajjiż fejn mssirijietna ddeċidew li, iva, illum aħna Maltin, u mil-lum ’il quddiem niddeċiedu aħna x’għandu jsir f’pajjiżna.”
Gauci spjega wkoll li dawn il-midalji ġew mogħtija lill-Maltin wara li għelbu t-tmexxija Franċiża ta’ Napuljun, li okkupat lill-gżejjer tagħna għal sentejn bejn l-aħħar tas-Seklu 18 u l-bidu tas-Seklu 19.
Qal, “Fl-1801, il-mexxejja Maltin, dawk kollha li kienu eletti demokratikament, missirijietna, ġew mogħtijin midalja tad-deheb. Dawn il-midalji tad-deheb li bejn wieħed u ieħor nemmnu li kienu jeżistu sittax, nafu biss b’erbgħa li għadhom jeżistu, kienu midalji li jġorru fuq sidirhom b’kburija kbira. Għala? Għax din kienet l-ewwel midalja tad-deheb, jew l-ewwel midalja li qatt Gvern Malti ta lill-Maltin stess.”
Hu temm billi, mill-ġdid, tenna l-importanza li dawn il-midalji jiġu priservati sew, għax huma sett ta’ midalji uniċi fid-dinja.
Qal, “L-importanza tagħhom huma uniċi, mhawnx bħalhom fid-dinja. Huma simbolu nazzjonali, wieħed mill-eqdem simboli li għandna l-aħmar u l-abjad, u meta inti tikkomparahom ma’ affarijiet oħrajn li għandna fil-mużew, li wkoll huma t’importanza. Dawn, tmur fejn tmur fid-dinja, tfittex l-irkantijiet kollha tad-dinja, kważi qatt u qatt ma ssib waħda bħalhom.”