Mil-lum, il-kuntratturi li m’applikawx biex jiksbu liċenzja fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar u bini, ma jistgħux ikomplu joperaw.
Dan wara li lbieraħ għalaq il-perjodu li fih dawn il-kuntratturi setgħu japplikaw għal-liċenzja mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.
Fi stqarrija ġie spjegat li matul ix-xhur li għaddew, l-Awtorità rċeviet aktar minn 3,500 applikazzjoni fl-oqsma tat-twaqqigħ, l-iskavar u l-bini.
Mil-lum dawn il-kuntratturi jistgħu ikomplu jaħdmu fl-industrija tal-kostruzzjoni.
Dan il-proċess daħal fis-seħħ permezz ta’ Avviż Legali li permezz tiegħu għall-ewwel darba, f’kull lant tax-xogħol ta’ kostruzzjoni, il-kuntratturi tat-twaqqigħ, skavar u bini jridu bilfors ikunu liċenzjati.
F’dan il-perjodu tranżitorju sakemm jinħarġu l-liċenzji, dawk biss li applikaw għal-Liċenzja jistgħu jibqgħu joperaw.
Il-kuntratturi li m’applikawx sal-bieraħ, għadhom jistgħu jagħmlu dan sal-31 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla. Madankollu l-Kumitat li qed jevalwa l-applikazzjonijiet jista’ jieħu sa 60 ġurnata biex jirrispondi għal tali applikazzjonijiet.
L-għan aħħari fir-riformi li qed isiru huwa li s-settur tal-kostruzzjoni jħaddan aktar responsabbiltà, serjetà u kwalità ogħla.