Minħabba kumplikazzjonijiet li żviluppaw waqt it-tqegħid tal-konkos f’San Ġiljan, it-triq baqgħet fuq karreġġjata waħda dalgħodu, b’riżultat li nħoloq bottle-neck li kkawża traffiku kbir.
Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni f’San Ġiljan kellhom jieqfu fil-ħamsa u nofs ta’ filgħodu iżda minħabba l-imsemmija kumplikazzjonijiet, it-triq baqgħet b’karreġġjata waħda.
Iż-żewġ karreġġjati nfetħu għall-ħabta tat-tmienja u nofs.
Dwar dan kiteb il-Ministru responsabbli mit-trasport, Chris Bonett, li qal li l-kuntrattur se jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li ġara, minkejja li jifhem ukoll li xi kultant, ix-xogħol joħloq ċertu kumplikazzjonijiet.
Dwar traffiku ħdejn il-Moskea f’Raħal Ġdid, il-Ministru fakkar kif illum huwa l-Eid-al-Fitr, li jfisser li jintemm il-perjodu ta’ sawm tal-Musulmani tar-Ramadan, u għalhekk kien hemm influss kbir ta’ nies li nġabru fiż-żona biex jiċċelebraw.
Il-Ministru rrimarka li kien hemm numru sew ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta li għenu fil-kontroll tat-traffiku. Kien hemm bżonn ukoll intervent tal-Pulizija u għalhekk is-sitwazzjoni damet ftit biex marret lura għan-normal.
Il-Ministru Bonett temm jirrimarka li, sfortunatament, inċidenti bħal tal-lum jiġru, iżda qed isir minn kollox biex ikunu aktar rari u biex is-sitwazzjoni tat-traffiku fil-pajjiż dejjem titjieb.