Il-Gvern permezz ta’ Infrastruttura Malta ser ikun qed jagħmel tajjeb għall-ħsarat massiċċi fil-pont tat-terminal taċ-Ċirkewwa li nbena taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi fl-2012.
Pont li sewa mal-€10 miljun u li wara sitt snin biss beda juri xquq kbar fil-kolonni li jżommu l-istrutturi li jgħaddu minn fuqhom mijiet ta’ passiġġiera kuljum.
Dwar dan, il-Gvern laħaq ftehim mal-kuntrattur li kien responsabbli mill-proġett sabiex flimkien iħallsu għall-ħsarat kbar li nstabu.
L-Inġinier Robert Schembri spjega kif l-istruttura ma nbnietx skont standards Ewropej li kienu jeżistu fl-2012.
Huwa qal: “Dak iż-żmien id-disinn tal-periti llum skoprejna li kien ta’ livell inqas mill-istandards ewropej. Biex tkompli tagħmel is-sitwazzjoni agħar skoprejna li l-kuntrattur kien ħadem f’livell ta’ kwalità inqas baxxa minn dik li kienu ddisinjaw il-periti.”
Spjega wkoll kif ser ikunu maqsuma l-ħlasijiet sabiex jiġu rrimedjati l-iżbalji li saru fl-2012.
Is-Sur Schembri sostna: Il-kuntrattur se jħallas il-biċċa tiegħu biex jirrimedja għad-defiċjenza li kellu mad-disinn tal-Periti u Infrastructure Malta ħa toħroġ il-parti tagħha biex iġġib id-disinn tal-Periti f’livell ta’ standards Ewropej.”
L-inġinier Schembri tkellem dwar kif ix-xogħol se jibda immedjatament.
Huwa qal: “Ix-xogħol ħa jibda immedjatament u li se jiġri huwa li se jiġu rinfurzati l-kolonni primarjament u se jiġi mnaddaf il-ħadid u se jsir covering bil-konkos biex jiġi rinfurzat u x-xogħol irid isir mat-travi u l-kolonni kollha tal-bridge.”
Dan mhux l-ewwel każ ta’ xogħol infrastrutturali difettuż u traskurat li sar taħt l-amministrazzjoni ta’ GonziPN.
Fl-elfejn u erbatax ġie skopert il-konkos difettuż f’Mater Dei fi żmien meta l-Gvern kien beda bi pjanijiet sabiex jibni żewġ sulari fuq l-emerġenza sabiex jiżdiedu s-sodod fl-isptar.
Dak iż-żmien analiżi tal-binja mill-kumpanija internazzjonali Arup kienet iwriet li l-konkrit fil-binja tal-emerġenza ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jiflaħ iż-żewġ sulari.
Riżultat ta’ dan ġiet stmata l-ispiża ta’ €150 miljun mit-taxxi tal-poplu biex dan il-konkos jittranġa.
Dwar dan, Gvern Nazzjonalista 11-il sena ilu kien iffirma rinunzja biex il-kumpanija Skanska, responsabbli mill-bini ta’ dan il-proġett ma tkunx responsabbli għal difetti li setgħu jinqalgħu fil-bini.