Glen Farrugia, il-kuntrattur li allegatament abbanduna immigrant mal-ġenb ta’ triq wara li dan waqa’ minn għoli ta’ żewġ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni, ingħata l-libertà proviżorja fuq diversi kundizzjonijiet.
Fost oħrajn ingħata l-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li jkun f’daru bejn nofsillejl u l-ħamsa ta’ filgħodu.
Huwa wkoll ġie ordnat iħallas depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €30,000.
Farrugia ngħata l-ħelsien mill-arrest wara seduta l-Qorti mill-aktar twila li fiha xehed fost oħrajn, Jaiteh Lamin, l-allegat vittma.
Lamin xehed b’mod virtwali minn kamra fl-isptar fejn għadu jinsab rikoverat.
Fix-xhieda tiegħu qal li l-akkużat qallu li se jieħdu l-isptar imma imbagħad ħallih jokrob bl-uġigħ fuq bankina fl-inħawi tas-Selmun.
Lamin qal li xħin Farrugia ħallih ma’ ġenb tat-triq qallu li jgħid lill-pulizija li ntlaqat minn karozza.
Fix-xhieda tiegħu semma wkoll li l-kuntrattur ma kienx itih ilbies protettiv u lanqas safety shoes.
Meta Lamin kien tqattalu ż-żarbun, l-imgħallem tiegħu xtralu żarbun ieħor iżda imbagħad qatalu l-flus taż-żarbun mill-paga.