Il-kuntrattur Charles Polidano, iċ-Ċaqnu segwa l-kriterji f’kuntratt defiċjenti li kellu fil-bini tal-pont tat-terminal taċ-Ċirkewwa.
It-Times irrappurtat li riżultat tax-xquq li bdew jidhru fil-kolonni, 6 snin biss wara, il-kuntrattur qed iwaħħal fil-kuntratt li ngħata mill-Gvern GonziPN.
Charles Polidano qed jinsisti li huwa mexa mal-kriterji tal-kuntratt li tawh.
F’isem il-kuntrattur tkellem il-konsulent legali, Jean Paul Sammut li aċċenna li Polidano segwa l-kriterji f’dak li sejjaħ kuntratt defiċjenti.
“It-termini tekniċi tal-kuntratt lanqas biss kienu skont il-livelli ta’ bini f’żona marittima fejn jaħkem riħ qawwi, aħseb u ara biex dan il-proġett iservi għal mitt sena”, saħaq Sammut f’isem Polidano.
Huwa żied jgħid li kien hemm problema oħra, dik fuq in-nuqqas ta’ manutenzjoni waqt li x-xogħlijiet kienu qed isiru.
Il-konsulent legali tal-kuntrattur irrimarka li Polidano qajjem dawn il-kwistjonijiet mal-awtoritajiet ta’ dak iż-żmien iżda l-istruzzjonijiet li tawh kien li jżomm mal-kriterji tal-kuntratt.
Qabel mal-Partit Nazzjonalista niżel mill-Gvern il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi u l-Ministru għal Għawdex ta’ dak iż-żmien Giovanna Debono, inawguraw dan it-terminal.
Dan it-terminal kien sewa mal-għaxar miljun ewro u riċentament kumpanija Ingliża tal-inġinerija bl-isem ta’ CTP Consulting ikkonkludiet li l-konkos li jżomm il-pont taċ-Ċirkewwa u li minn fuqu jgħaddu eluf ta’ passiġġieri li jaqsmu l-fliegu, ddeterjora u jeħtieġ jinbidel.
Il-kumpanija Ingliża ġiet kkummissjonata minn Transport Malta sabiex tispezzjona u tagħmel rapport fuq il-kundizzjoni ta’ dan il-konkos wara li ħaddiema fit-terminal taċ-Ċirkewwa bdew jinnotaw biċċiet kbar tal-konkos li waqgħu minn taħt il-pont.
Ir-rapport tekniku jgħid ukoll li l-konkos diġà qed juri sinjali sew ta’ deterjorazzjoni bi xquq kbar li jista’ jkun ta’ periklu għal dawk kollha li jaqsmu minn fuq dan il-pont.
Testijiet ikkonkludew ukoll li l-konkrit li ntuża sabiex jinbnew il-kolonni li fuqhom jinżamm dan il-pont huwa ta’ kwalità inferjuri sew għal dak li ntuża fil-bqija tal-istruttura.
Hu mifhum li l-konkrit li qed jiddeterjora fil-kolonni tal-pont tat-terminal taċ-Ċirkewwa jinbidel u possibilment jintuża l-ħadid.
Din ma hijiex l-ewwel darba li l-Awtoritajiet Maltin kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ proġetti infrastrutturali kbar difettużi li nbnew taħt Gonzi PN.
Fl-2014 sar magħruf il-konkos difettuż f’Mater Dei fi żmien meta Gvern Laburista kien beda bi pjanijiet sabiex jibni żewġ sulari fuq l-emerġenza sabiex jiżdiedu s-sodod fl-isptar.
Konkos li biex jitranġa kien hemm bżonn spiża ta’ mija u ħamsin miljun ewro mit-taxxi tal-poplu.
Gvern Nazzjonalista kien ffirma rinunzja biex il-kumpanija Skanska li bniet l-Isptar Mater Dei ma tkunx responsabbli għad-difetti li setgħu jinqalgħu fil-bini ta’ Mater Dei.