L-Istati membri kollha Ewropej se jittrasponu din direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
Fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità mwettqa bl-armi tan-nar, kemm l-Istati membri individwali tal-UE kif ukoll l-UE nnifisha qed jaffrontaw żewġ sfidi ewlenin: il-kuntrabandu u t-traffikar tal-armi tan-nar fl-Ewropa minn organizzazzjonijiet kriminali, kif ukoll il-preżenza fis-suq ta’ armi tan-nar li ma jkunux ġew diżattivati kif suppost.
Dan qalu l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, meta kien qed jindirizza konferenza dwar l-impatt tar-reviżjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Armi tan-Nar li ġabret flimkien lill-partijiet l-aktar interessati fil-qasam lokali tal-armi tan-nar, ewlenin fosthom il-kollezzjonisti u dawk li jipprattikaw l-isparar bħala sport.
Il-laqgħa saret illum il-Furjana u ġiet organizzata mill-Federazzjoni tal-Kollezzjonisti u l-Isportivi tal-Isparar b’kollaborazzjoni ma’ Firearms United, il-konfederazzjoni dinjija tal-proprjetarji tal-armi tan-nar.
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet reviżjoni tar-regoli eżistenti tal-UE dwar l-armi tan-nar fit-18 ta’ Novembru 2015 u ddikjarat li l-għanijiet wara din l-inizjattiva kienu li jsir aktar diffiċli li jinkisbu b’mod legali fl-UE armi ta’ kapaċità kbira; li jkun aktar possibbli li jiġu traċċati l-armi tan-nar miżmumin legalment, biex b’hekk jitnaqqas is-sogru li dawn jispiċċaw iddevjati għas-swieq illegali; u li tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati membri f’dan il-qasam.
Wara sena ta’ taħditiet, f’Diċembru 2016 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE waslu għal qbil politiku preliminari dwar ir-reviżjoni proposta. Dan il-ftehim issa huwa suġġett għall-konferma tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO) tal-PE dan ix-xahar, u wara jitpoġġa għall-vot tal-plenarja tal-PE qabel ma jiġi approvat formalment mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE. Il-kollezzjonisti tal-armi u l-isportivi tal-isparar ma jqisux dan il-ftehim interistituzzjonali fil-livell tal-UE bħala wieħed sodisfaċenti għalihom. Huma jargumentaw li, jekk tiġi approvata, din ir-reviżjoni leġiżlattiva tolqot ħażin ħafna lil dawk li għandhom jew jużaw l-armi tan-nar skont il-liġi, kif ukoll lir-riżorsi tal-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li ftit li xejn ikollha effett kontra l-użu ta’ armi illegali mill-kriminali u mit-terroristi.
“Minkejja kollox, nirrikonoxxi li l-kompromess li ntlaħaq mhux perfett, u li jista’ jkun li ma jissodisfax għal kollox l-aspettattivi ta’ kulħadd f’dan il-qasam,” qal il-Ministru Abela. “Id-dokument, iżda, jippreżentalna kompromess raġonevoli li jilħaq bilanċ – forsi mhux dejjem perfett – bejn l-aspett tas-sigurtà minn banda u l-libertajiet tal-individwu mill-banda l-oħra.”
Il-Ministru qal ukoll li, fix-xhur li ġejjin, l-Istati membri kollha se jkunu qed jittrasponu din id-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
Huwa osserva li filwaqt li ċerti elementi tad-Direttiva huma obbligatorji – u allura l-Istati membri m’għandhom l-ebda spazju fejn jimmanuvraw waqt it-traspożizzjoni – oħrajn jippermettu lill-Istati membri li jikkunsidraw linji ta’ azzjoni differenti. F’dan ir-rigward, huwa previst li Malta żżomm il-qafas ġenerali eżistenti li, meta wieħed iqis kollox, għadda mill-eżami taż-żmien.
Il-Ministru wissa li, minkejja l-qbil li kien hemm dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva, kif ukoll il-ftehim dwar standard għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar, il-gvernijiet u l-Istati membri tal-UE għadhom qed jaffaċċjaw riskju li jmur lil hinn sew mid-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar. “Ilkoll nafu li, fl-aħħar mill-aħħar, la l-kriminalità organizzata u lanqas it-terroriżmu m’huma se jħabblu rashom fuq il-leġiżlazzjoni tagħna dwar l-armi tan-nar. Dak li għamilna s’issa huwa sempliċiment sforz ieħor biex nagħmluha aktar diffiċli biex dawn il-kriminali jagħmlu użu minn armi tan-nar legali. Dan ċertament mhux biżżejjed. Barra minn hekk, dawn huma problemi li ma jistgħux jiġu indirizzati permezz ta’ emendi fil-qafas leġiżlattiv iżda bil-koperazzjoni bejn l-Istati membri u b’infurzar sod.”
Il-Ministru saħaq fuq l-importanza li d-dilettanti tal-armi tan-nar jibqgħu jippromwovu kultura favur l-użu korrett, legali u bla periklu tal-armi tan-nar. Dan huwa l-uniku mod biex niżguraw it-tkomplija tas-sostenibbiltà tal-kollezzjonijiet tal-armi tan-nar u l-isport tal-isparar, u attivitajiet oħrajn li jinvolvu l-użu legali tal-armi tan-nar, bħar-rappreżentazzjonijiet ta’ ġrajjiet storiċi.