Meta kien qed iwieġeb għal interpellanza parlamentari, il-Ministru responsabbli mill-Intern, Byron Camilleri, informa lill-Kamra li ġie solvut nuqqas li kien hemm fil-ftehim kollettiv għall-Korp tal-Puliizja li, kaġun tiegħu, il-kuntistabbli ta’ riserva tal-Pulizija ma kinux ġew kopruti.
Il-Ministru Camilleri fakkar li l-ftehim kollettiv ġab miegħu titjib fil-pagi kif ukoll fil-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-Pulizija. Madanakollu, bħalma jiġri meta jkun hemm xi ħaġa li ssir għall-ewwel darba, jista’ jkun hemm sezzjonijiet li wara jirriżulta li ma jkunux ġewx kopruti.
Filwaqt li għamilha ċara li din l-iżvista ma kienet tort ta’ ħadd, il-Ministru qal li l-partijiet kollha involuti wrew ir-rieda li dan in-nuqqas jiġi indirizzat.
Għalhekk, bi ftehim mal-unjins kollha, instabet soluzzjoni biex il-kuntistabbli ta’ riserva tal-Pulizija jibdew jieħdu l-allowances dovuti. Dawk li laħqu rtiraw bl-età se jkunu qed jeħduhom ukoll.
Qal, “Allura, il-kapitlu fil-konfront tar-reserve Police constables ikun magħluq; naħseb suċċess b’mod pożittiv għaliex kollha kemm huma se jkunu qed igawdu minn dan il-ftehim li ntlaħaq bejn in-naħa tal-Gvern u n-naħa tal-unjins.”