Għall-Partit Laburista, huwa essenzjali li nirrispettaw il-verdett tal-elettorat Karkariż u nagħmlu dak li hu fl-aħjar interess tar-residenti ta’ Birkirkara. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Intqal kif fid-dawl ta’ dan, saret laqgħa mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Dr Alex Agius Saliba, li fiha kien hemm il-kunsilliera Laburisti Karkariżi, kif ukoll tal-kandidat indipendenti Kaylocke Buhagiar.
Fil-laqgħa, il-kandidat indipendenti ġie offrut li jservi bħala s-Sindku ta’ Birkirkara għal perjodu ta’ sentejn u nofs, filwaqt li fis-sentejn u nofs l-oħra ġie propost li jkun hemm Sindku Laburista, bil-kunsillier indipendenti jservi bħala Viċi Sindku.
Din il-proposta saret abbażi tal-fatt li, jekk jingħaddu l-voti miksuba mill-Partit Laburista u dawk tal-kandidat indipendenti, dawn jammontaw għall-maġġoranza tal-voti f’Birkirkara.
Madankollu, din il-proposta ġiet rifjutata mill-kandidat indipendenti li talab is-sindikat għal terminu sħiħ ta’ 5 snin. Il-Partit Laburista ma jistax jaċċetta din it-talba peress li ma tkunx tirrifletti r-riżultat tal-elettorat Karkariż.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Kunsilliera Laburisti ta’ Birkirkara se jassiguraw li l-verdett tal-poplu jkun dejjem rispettat, u huma impenjati li jkomplu jaħdmu fl-aħjar interess tal-komunità Karkariża.