Il-gwadann finanzjarju li għamilna, issa se jintuża għat-twettiq ta’ tliet proġetti oħra u b’hekk ir-residenti se jkunu mhux biss qed jibbenefikaw minn toroq ġodda imma wkoll igawdu minn proġetti infrastrutturali oħra.
Dan qalu ma’ ONE News, is-sindku ta’ Raħal Ġdid, Dominic Grima meta żorna Triq il-Ġdida f’Raħal Ġdid, li bdiet tinbena mill-ġdid.
“Kif ħabbar dil-wegħda l-gvern, aħna ħadna nifs ‘il ġewwa u għedna issa b’dawk il-flus li ħa niffrankaw mit-toroq, ħa jmorru għal 3 proġetti oħra, għandna proġett telgħa ta’ raħal ġdid maqsum fi 3 partijiet fejn għandek skate park area u għandek ġnien u bandli, dan fl-area tal-paroċċa ta’ Lourdes u mbagħad għandek il-proġett tan-naħa ta’ San Alwiġi fejn hemm bandli ilu żmien twil biex isir xi ħaġa u hemm il-proġett ta’ ġnien pawlu boffa li ħa jiġi adattat iżjed għal lum”, qal is-Sur Grima.
Esprimew is-sodisfazzjon tagħhom ukoll is-Sidnku tal-Fgura Pierre Dalli u s-sindku ta’ Ħal Tarxien Paul Farrugia. F’dawn iż-żewġ lokalitajiet inbdew ix-xogħolijiet fi Triq l-Għarnuq u Triq Santa Marija rispettivament.
“Huwa punt importanti ħafna għall-kunsill lokali tal-Fgura li apparti l-lista ta’ toroq li aħna ppreżentajna lill-gvern, kellna l-prijoritajiet ta’ wħud mir-residenti li fi triq partikolari, triq l-Għarnuq kien ilu ħames snin biex isir dan ix-xogħol”, qal is-Sur Dalli.
“In-nies laqgħuha b’appoġġ kbir din għaliex apparti x-xogħol li qed nagħmlu bħala kunsill mill-fondi tal-kunsill, qed inkomplu nkabbru l-infrastruttura li kien hemm bżonn f’Ħal Tarxien u bi pjaċir ngħid li ġa hemm programmati ħames toroq fejn diġa anke bdejna fl-ewwel waħda, li hija Triq Santa Marija biex Infrastructure Malta tibda”, qal is-Sur Farrugia.
Intant, il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg ħabbar li daħal fl-aħħar fażijiet tiegħu l-proġett ta’ Triq tal-Balal.
Dan hekk kif infetħet l-ewwel parti taż-żewġ korsiji addizzjonali u l-bankina ġdida, li nbnew fix-xhur li għaddew.