Fond ta 120,000 ewro se jagħti l-opportunità lill-Kunsilli Lokali li jwettqu proġetti sabiex jinħolqu iżjed postijiet għall-annimali u inizjattivi oħra għall-ħarsien tagħhom.
Fost il-proġetti li l-kunsilli se jkunu jistgħu iwettqu, il-fond se jkun użat biex isiru spazji miftuħa għall-klieb, cat cafès u kampanji ta’ neutering.
Is-segretarju parlamentari, Clint Camilleri saħaq li permezz ta’ dan il- fond il-gvern qed jagħti prova oħra ċara tal-importanza li jiġu mħarsa l-annimali f’pajjiżna. Dan wara li qed issir ħidma sabiex jiżdiedu l-multi fuq min iwettaq reati ta’ moħqrija fuq l-annimali:
“Jagħti l-opportunità lill-Kunsilli Lokali tagħna biex jissottomettu proġetti li jistgħu jinkludu bħal dog parks, cat cafés, neutering campaigns, kampanji edukattivi fil-lokalitajiet tagħna biex inkomplu nsaħħu u nrawmu l-kultura favur il-ħarsien tal-annimali, u aktar minn hekk ser inkunu qiegħdin nagħtu l-opportunitá liċ-ċittadini tagħna jkunu involuti b’mod dirett ukoll fejn jidħol il-qasam tal-animal welfare.”
Stqarr li kull Kunsill Lokali li jkollu l-proġett magħżul minn kumitat apposta jista’ jibbenefika minn 8,000 ewro. Madankollu, jekk ikun hemm bżonn, il-gvern jista’ jagħżel li jalloka iżjed fondi mill-fond.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis saħaq li permezz ta’ emenda fil-liġi, il-kunsilli Lokali issa huma obbligati li jkollhom kunsillier li huwa inkarigat mill-ħarsien tal-annimali.
“Ħadna ħsieb li fost in-numru ta’ responsabilitajiet li tajna issa bil-liġi li kull Kunsillier issa jrid jagħti responsabilitajiet, u jrid jagħti imbgħad rendikont fl-aħħar tas-sena tax-xogħol li għamel, ħassejna l-bżonn ukoll li fost ir-responsabiltajiet li se jibda jkollhom il-Kunsilliera tagħna, irid ikun hemm bilfors bil-liġi responsabilità għall-ħarsien tal-annimali”.