Iż-żieda fl-allokazzjoni finanzjarja għall-Kunsilli Lokali żdiedet b’10% fuq is-sena 2016. Dan ifisser li din is-sena l-fondi allokati fi ħdan ir-Reġjun tat-Tramuntana issa tela’ għal €8.5 miljun.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo fakkar kif dan il-Gvern baqa’ jirrikonoxxi l-ħidma sfieqa tal-Kunsilli Lokali billi kompla jżid l-allokazzjoni diretta u indiretta lill-istess Kunsilli.
Din iż-żieda qiegħda tkun msarrfa f’proġetti fil-komunitajiet lokali, proġetti li jvarjaw minn riġenerazzjoni ta’ pjazzez għal rinovar ta’ bandli u spazji miftuħa, għal pitches b’turf artifiċjali ta’ grounds tal-football, għall-organizzazzjoni ta’ diversi attivitajiet soċjali u kulturali.
Proġetti b’investiment ta’ miljuni ta’ewro li jinkludu fost oħrajn bini ta’ skejjel primarji, il-bini ta’ ċentru nazzjonali għall-konservazzjoni tal-ilma, immodernizzar ta’ ċentri ta’ matul il-jum kif ukoll l-installar ta’ CCTV cameras f’żoni partikolari. Is-Segretarju Parlamentari saħaq dwar l-importanza tal-kontabbilità fit-tmexxija u li dan għandu jwassal biex il-Kunsilli Lokali jerġgħu jibdew mexjin fuq rotta ta’ sostenibbilità finanzjarja.