Il-kunsilli lokali għandhom rwol importanti ħafna biex il-komunitajiet tagħna jkunu komunitajiet fejn jitħaddem il-kunċett ta’ anzjanità attiva.
Esprima dan il-ħsieb il-Prim Ministru Robert Abela fi żjara fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum f’San Pawl il-Baħar.
F’dan iċ-ċentru, b’ħidma konġunta bejn il-Gvern Ċentrali u l-kunsill lokali, jinġabru għexieren ta’ anzjani kuljum fejn jieħdu sehem f’numru ta’ attivitajiet, kemm fiċ-ċentru kif ukoll lil hinn minnu.
F’diskussjoni mal-anzjani miġbura fiċ-ċentru, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-inizjattivi tal-Gvern biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità u saħaq li biex dan ikun possibbli jeħtieġ servizzi tajbin u li jilħqu lill-anzjani bħalma huma servizzi bħas-Silver T u ċentri ta’ dan it-tip.
Kruċjali wkoll li l-Gvern jibqa’ jsaħħaħ il-pensjonijiet u l-għotjiet lill-anzjani. Iżda, mbagħad, qal il-Prim Ministru, anke l-kunsill lokali jista’ jservi bħala forza pożittiva ta’ organizzazzjoni ta’ attivitajiet, inizjattivi u miżuri li jagħtu wens u sigurtà lill-anzjani.
Hawn radd ħajr lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għall-inizjattivi f’dan is-sens.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea u mis-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima.