Tnax-il kunsill lokali mill-Kunsill Reġjonali Tramuntana qasmu l-esperjenzi tagħhom fil-lokalitajiet li jirrappreżentaw f’laqgħa mal-President ta’ Malta George Vella.
Din kienet t-tieni laqgħa minn sensiela sħiħa li qed jieħu sehem fihom il-President biex ikun hemm skambju tal-ideat filwaqt li joħorġu suġġerimenti għal sfidi eżistenti.
Il-President tal-Assoċċjazzjoni Kunsilli Lokali Mario Fava esprima l-apprezzament għall-fatt li l-President qed jagħti widen biex il-kunsilli jkunu pijunieri u sors ta’ għaqda nazzjonali.
Fava stqarr: “Qed nifhmu kif anki l-presidenza qed tagħti importanza lis-sindki u anki l-preżenza reġjonali. Qed tifhem ukoll u nnutajna f’dawn mid-diskussjoni li kien hemm waqt li konna qegħdin nitkellmu l-interess li kien hemm propju biex jifhem il-President innifsu l-problemi li hemm fil-lokalitajiet kif jistgħu min-naħa tiegħu jassisti l-kunsilli lokali u dawk reġjonali.”
Il-President Vella fakkar li l-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali se titwaqqaf biex tindirizza problemi li jkattru l-firda bejnietna.
Huwa qal, “Qed inħeġġiġhom biex dawn anki fil-livell tagħhom jagħmlu l-parti tagħhom u jibdew anki jżommu diskussjonijiet u jekk hemm bżonn anki hearings man-nies rigward din it-tema.”
Il-President tal-Kunsill Reġjonali Tramuntana, Anton Mifsud fisser l-importanza ta’ din il-laqgħa fejn il-kunsilli kellhom l-opportunità jesprimu l-ħsibijiet tagħhom.