Wara li l-Kunsill Nazzjonalista ta’ Għajnsielem, immexxi mis-Sindku Kevin Cauchi, ivvota favur il-pjani li hemm b’rabta mal-iżvilupp f’Forti Chambray, Għawdex, issa permezz ta’ messaġġ fuq Facebook indika li se jmur kontra d-deċiżjoni.
Fit-Times f’Diċembru li għadda, is-Sindku Nazzjonalista kien qal li l-qbil tal-Kunsill għal dan l-iżvilupp bħala l-aħjar għażla kien ġie dibattut ħafna fil-ġimgħat ta’ qabel.
Issa jidher li, dan kollu, inqaleb ta’ taħt fuq.
ONE News jinsab informat li l-Kunsill Lokali t’Għajnsielem seta’ ġie żgwidat, inkluż mid-Deputat Nazzjonalista Alex Borg, li pubblikament kien ukoll qed joħroġ għonqu l-ħin kollu favur il-proġett, biex ivvota favurih.
L-interess personali u dirett li l-Kelliem Ewlieni Nazzjonalista għal Għawdex wera f’kull fażi tal-iżvilupp privat, qanqal dubji serji fi ħdan il-Partit tiegħu stess, li wkoll qatt ma ħa pożizzjoni uffiċjali dwar dan.
Fil-fatt l-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa kienet appellat lill-Partit Nazzjonalista biex jindika l-pożizzjoni tiegħu fuq il-pjani b’rabta mal-iżvilupp f’Forti Chambray.
B’rabta ma’ dan l-iżvilupp ġdid, issa kompliet toħroġ il-qasma fil-Partit, bid-Deputat Alex Borg jimbotta favur il-proġett, waqt li l-kandidat Nazzjonalista Beppe Galea ħareġ jgħid “prosit” lill-Kunsill. (PIC comments)
Ta’ min ifakkar dan kollu sar wara li, b’konformità mal-permess approvat fl-2012 fi żmien Gvern Nazzjonalista, il-Bord tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar, ta permess biex il-parti t’isfel tal-barracks ta’ żmien l-Ingliżi tiżżarma mill-fortifikazzjoni tal-Kavallieri u, minflok, terġa’ tinbena f’parti oħra hekk kif il-proġett se jgħaddi għall-fażi finali tax-xogħlijiet.
Il-Kunsill t’Għajnsielem issa qal li, “fid-dawl tad-diskussjoni li kompliet timmatura, fosthom permezz ta’ laqgħat mal-NGOs, il-Kunsill Lokali Għajnsielem se jkun qed jappoġġja t-talba li qed issir biex il-barracks ta’ l-Ingliżi jiġu skedati.”
L-istess Kunsill qal li, fil-kuntest tal-pjan propost u l-fatt li l-barracks tal-Ingliżi ma kinux skedati, il-Kunsill mexa fosthom mar-rakkomandazzjoni tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali dwar l-aħjar mod kif għandha ssir ir-rilokazzjoni u r-rikostruzzjoni tagħhom. Madankollu, jekk dawn il-barracks jistgħu jiġu aktar protetti u mħarsa, il-Kunsill se jagħti l-appoġġ tiegħu.
Intqal li, fiċ-ċirkostanzi tal-mod kif żviluppat il-fortizza matul is-snin, Forti Chambray xorta għadu biċ-ċans li jkun ta’ benefiċċju għall-komunità permezz tat-tgawdija tal-wirt storiku minn kulħadd u fl-istess waqt ikun ta’ attrazzjoni għall-investiment ġdid, inkluż dak turistiku.