Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, li llum għandu maġġoranza Nazzjonalista, ġew approvati żewġ mozzjonijiet li jimponu miżuri ta’ awsterità fejn tidħol l-għajnuna mogħtija lil għaqdiet mhux governattivi fil-lokalità.
Id-deċiżjonijiet, approvati b’sitt voti kontra l-ħamsa tar-rappreżentanti mill-Partit Laburista, ittieħdu wara li tressaq il-pjan għal cost-cutting speċifiku fuq it-talbiet finanzjarji minn dawn l-istess għaqdiet.
ONE News informat li, b’riżultat ta’ dan, attivisti li jiddedikaw ħinhom fi żmien il-festi tal-lokal u saħansitra tfal u żgħażagħ fi ħdan in-Nursery ta’ San Ġwann FC se jkunu fost dawk li jintlaqtu ħażin minn dan it-tqaċċit fl-għajnuna soċjali.
Dan imur kontra l-politika li kienet titħaddem minn Kunsill Laburista sas-sena l-oħra, li minkejja l-isfida tal-pandemija, xorta waħda kien ta’ sostenn f’dan ir-rigward u ħoloq attivitajiet ġodda b’kollaborazzjoni mal-istess għaqdiet volontarji lokali.
Jirriżulta lil ONE News, li tali deċiżjoni mir-rappreżentanti Nazzjonalisti wkoll hi stramba ladarba l-Kunsill preċedenti ħalla surplus fil-finanzi tal-Kunsill u kull għajnuna mitluba kienet tiġi allokata fil-baġit tiegħu.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Minority Leader Laburista, Trevor Fenech, enfasizza kif, għall-kunsillieri Laburisti, l-investiment fil-komunità jibqa’ prijorità assoluta.
Dan kif ukoll dejjem intwera sal-aħħar amministrazzjoni Laburista b’attivitajiet ta’ kwalità li komplew isaħħu din il-lokalità.