Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ipparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Ġustizzja fil-Lussemburgu. Il-Kunsill tal-Ministri laħaq approċċ ġenerali fuq numru ta’ direttivi proposti, inkluż dawk marbuta mal-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, kif ukoll dik dwar l-iSlapp.
Fid-diskussjoni dwar iż-żieda fil-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, il-Ministru Attard saħaq li din id-direttiva futura ċertament se ġġib bidliet pożittivi, bħal pereżempju permezz ta’ żieda fl-għarfien u t-taħriġ, żieda fil-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, aċċess imtejjeb għall-ġustizzja u l-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet u s-sanzjonijiet kriminali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja semma l-impenn tal-Gvern Malti fuq livell nazzjonali, inkluż it-tisħiġ fil-ġudikatura b’żieda fin-numru ta’ ġudikanti biex ikompli jiżdied in-numru ta’ seduti fil-Qorti, fejn ix-xogħol b’lura f’każijiet ta’ vjolenza domestika se jitnaqqas b’seba’ xhur.
“Leġislattivament mhux biss introduċejna r-reat tal-femiċidju fil-Kodiċi Kriminali, imma wkoll adottajna l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Vjolenza Domestika li se joħloq mekkaniżmu preventiv ġdid li jippermetti lill-individwi f’relazzjonijiet intimi jivverifikaw jekk is-sieħeb tagħhom għandux storja ta’ vjolenza domestika.”
Ministru Jonathan Attard
Dwar is-suġġett tal-iSLAPP, il-Ministru Jonathan Attard spjega kif Malta ħadet rwol proattiv f’dan il-qasam. Huwa stqarr illi Malta għadha u tibqa’ tappoġġja bis-sħiħ azzjoni fuq livell Ewropew li jkollha l-għan li tipprovdi salvagwardji adegwati u uniformi għall-ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti ġudizzjarji li huma manifestament infondati jew abbużivi fl-Unjoni Ewropea. Il-Ministru qal li fuq livell nazzjonali l-Gvern qed jistenna l-Kumitat ta’ Esperti dwar il-Midja jiġi lura b’aktar ħsibijiet fuq tliet Abbozzi ta’ Liġijiet imressqa quddiem il-Parlament, li fost l-oħrajn għandhom l-għan li jissalvagwardjaw lill-ġurnalisti u professjonisti oħra kontra l-iSLAPPs billi jagħti l-ogħla protezzjoni fl-istorja lill-ġurnalisti.
Tema oħra diskussa kienet dik marbuta mal-protezzjoni ta’ persuni LGBTIQ fl-Unjoni Ewropea, fejn Malta enfasizzat l-importanza li nkunu ambizzjużi. “F’Malta ninsabu kburin bis-suċċessi tagħna fiż-żamma tal-ogħla klassifikazzjoni għall-protezzjonijiet LGBTIQ u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa għal sena oħra konsekuttiva. Fl-istess ħin nibqgħu impenjati li nkomplu nieħdu aktar azzjoni,” qal il-Ministru Attard. L-Aġenda tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja kienet tinkludi wkoll il-ġlieda kontra l-impunità relatata mar-reati kriminali tal-aggressjoni Russa, id-definizzjoni ta’ reati kriminali u pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni u konfiska u rkupru tal-assi, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar uman u l-protezzjoni tal-istess vittmi.