Il-Kunsill Lokali tal-Gżira mistenni jilqa’ l-pjan il-ġdid tal-konsorzju Midi għal gżira ta’ Manoel Island.
Stqarr dan is-Sindku tal-lokalità, Conrad Borg Manche, li nnota kif fit-tibdiliet tal-pjan tagħha, il-Midi kkunsidrat bis-sħiħ l-oġġezzjonijiet u l-proposti li kellu l-Kunsill Lokali.
Conrad Borg Manche qal “Ħa nkunu qed nagħmlu agreement anke bil-miktub magħhom fejn dawn il-kundizzjonijiet iridu jiġu rrispettati ovvjament. Ma ridniex li jiġri l-istess ħaġa bħalma ġara Tigné.”
Sostna li “L-iskop tagħna mill-bidu kien li jsir proġett ħolistiku li jgawdi minnu kulħadd. Igifieri ovvjament vijabbli għalihom, pero irid ikun vijabbli għall-pubbliku wkoll.”
Il-konsorzju MIDI innutaw kif il-pjan il-ġdid jinkludi ferm iżjed spazji miftuħa – għal total ta’ iktar minn tmenin elf metru kwadru. Issa l-Forti Manoel mhux se jintuża għal lukanda, imma se jkun sit kulturali. Filwaqt li se jkun Lazzarett li jservi ta’ lukanda ta’ ħames stilel, u appartamenti.
Lil hinn minn dan ix-xatt kollu se jkun aċċessibli b’mod faċli għall-pubbliku. U b’kollox se jkun hemm restawr b’valur ta’ ħamsin miljun ewro.
Dan kollu filwaqt li kummerċjalment se joffri opportunitajiet ikbar.
Is-Sindku tal-Gżira nnota wkoll kif se jkun hemm restrizzjonijiet fuq l-għoli tal-bini, u l-fetħiet disponibbli, partikolarment mal-fortizza se jservu ta’ pulmun għaż-żona.
Borg Manche spjega li għall-aħħar xhur il-Kunsill iltaqa’ regolarment mal-MIDI sabiex jintlaħaq ftehim li verament ikun ta ġid kemm għall-kumpanija, kif ukoll għar-residenti.
Dan l-iżvilupp seħħ wara dak li deher ostaklu kbir biex jinqbeż, fejn saħansitra l-aċċess għax-xatt ta’ Manoel Island reġa’ nfetaħ wara azzonijiet mill-kunsill tal-Gżira u membri mill-kamp emerġenza ambjent.
Anke l-Gvern kien daħal f’din il-kwistjoni, billi nfetaħ protest ġudizzjarju biex jinfetaħ l-aċċess għax-xatt, u b’avviż ta’ nfurzar biex jitneħħew gradi li kienu qed jagħlqu l-aċċess għall-kosta.
Miżuri u inkwiet li jidher se jitħallew fil-passat, hekk kif MIDI ħadmu bis-sħiħ biex filwaqt li jwettqu l-iżvilupp tagħhom, iħarsu u jaqdu l-bżonnijiet tal-Gżirjani.
Biex issa l-pass li jmiss issa huwa li tinfetaħ konsultazzjoni pubblika flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi sabiex jintlaħaq ftehim finali.