Malta, il-Finlandja u s-Slovenja huma t-tliet pajjiżi magħżula mill-Kunsill tal-Ewropa biex jissieħbu fi proġett ta’ sena maħluq biex jevalwa l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-ħajja politika u soċjali f’livelli differenti tas-soċjetà.
It-tnedija ta’ dan il-proġett hija ppjanata li ssir din il-ġimgħa minn Dr Anne Crowley u Ms Gerison Lansdown, żewġ esperti tal-Kunsill tal-Ewropa. L-esperti waslu Malta bil-għan li jiltaqgħu ma’ kull min ser jagħmel parti minn dan il-proġett, jispjegaw l-implimentazzjoni tiegħu kif ukoll kif ser tinġabar l-informazzjoni permezz ta’ għodda għall-valutazzjoni tal-parteċipazzjoni tat-tfal (Child Participation Assessment Tool – CPAT).
Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-awtoritajiet Maltin se jkunu jistgħu aktar jevalwaw il-mekkaniżmi kolla preżenti li jagħtu opportunitajiet siewja lit-tfal biex jipparteċipaw, jiddiskutu u jikkontribwixxu fit-tisħiħ ta’ liġijiet, servizzi, prioritajiet politiċi u baġits f’livell lokali jew nazzjonali.
Is-sehem ta’ Malta fil-proġett tal-Kunsill tal-Ewropa tħabbret illum waqt ir-raba’ Konferenza Internazzjonali tal-Benesseri tat-Tfal, li kienet organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, filwaqt li lbieraħ inżamm seminar ta’ taħriġ għall-imsieħba kollha kkonċernati, bil-għan li tingħata iktar informazzjoni dwar it-tħaddim tal-għodda tas-CPAT.
Dan il-proġett huwa frott ta’ ħidma kollaborattiva bejn il-PFWS u l-Ministeru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali. Huwa s-seba’ wieħed li qed jiġi implimentat fl-Unjoni Ewropea, wara sitt membri stati oħra, li huma l-Estonja, l-Irlanda, ir-Romanija, il-Bulgarija, l-Italja u l-Latvja.