Programm tar-Riżorsi tal-Ilma Mhux Konvenzjonali, l-NCWR, magħruf ukoll bħala AlterAqua, ilu żmien twil preżenti f’pajjiżna, fejn, mill-2011, tlestew 23 applikazzjoni fil-produzzjoni ta’ kważi 20 miljun litru ta’ ilma kull sena.
S’issa dan il-programm laħaq mat-18,000 student, 1,400 għalliem u 56 tekniku, għall-benefiċċju ta’ madwar 72,000 persuna.
Fil-Birgu, fl-aħħar jiem, crew ta’ ONE News segwa l-AlterAqua Cottonera Reservoir Trail, esperjenza immersiva li tieħdok fuq vjaġġ affaxxinanti tul il-wirt tal-ilma moħbi tal-Kottonera.
Tkellimna mas-Sindku tal-lokal, John Boxall, li qalilna kif diversi xogħlijiet, li saru fil-passat, kixfu ġibjuni li kienu mistura.
Semma kif kollox beda meta kienu qed itaqqbu għaż-żonqor il-qadim ta’ ħdejn l-Istatwa tal-Vitorja, fejn wara li ndunaw li ġew fl-ilma, nibet il-ħsieb biex il-Kunsill Lokali jikseb il-fondi meħtieġa biex dan jitnaddaf. Minbarra dan, raw kif l-aħjar anke dan l-ilma seta’ jibda jintuża fil-lokal.
Enfasizza li dan l-ilma hu importanti ħafna li jintuża bl-aħjar mod u ma jinħeliex, bil-Kunsill jieħu diversi inizjattivi wara dan l-investiment li sar minn dawn l-aġenziji.
“Dan l-ilma li qed intellgħu minn hawn aħna, qed jintuża għall-faċilitajiet sanitarji ta’ din il-Berġa. Mhux biss, għandek il-ġibjun tal-pjazza, li qabel ma bdejna l-proġett tal-pjazza li dalwaqt wasal fil-fażi finali tiegħu, konna qed insaqqu l-qsari kollha li hawn fil-lokalità. FLASH Minn tal-pjazza, il-Kottonera, fi żmien il-COVID, kienet qed tnaddaf, bis-saħħa tal-ħaddiema tal-Public Cleansing, it-toroq kollha prinċipali.”
John Boxall, Sindku Birgu
Minn dan il-proġett, bdew jaraw kif jistgħu jibdew jutilizzaw il-ġibjuni li hemm mifruxin mal-Birgu, sa minn żmien il-Kavallieri, u bl-għajnuna li sabu mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma u mill-Global Water Partnership, skatta dan il-proġett tal-AlterAqua, li bih ra 12-il ġibjun ġew anke ddokumentati permezz ta’ app apposta.
Permezz anke tal-għajnuna mill-Ministeru għall-Ambjent, dan il-proġett fil-Birgu qed ikun xi ħaġa li anke kunsilli oħrajn qed isegwu, bis-Sindku jgħid li hu kburi li proġett bħal dan qed isir.
Minbarra dan il-ġibjun, Boxall semma kif il-ġibjun tal-Berġa tal-Ingilterra, fejn illum sar ċentru tal-anzjanità attiva, il-faċilitajiet sanitarji tal-binja, kif ukoll it-tindif, qed jintuża dan l-ilma.
Semma kif dan ix-xogħol li sar, ikun anke mifrux mar-raħal kollu biex, fl-aħħar mill-aħħar, dan l-ilma kollu ma jinħeliex. Hu għalhekk li dan it-tindif li sar f’dawn il-ġibjuni kien ta’ importanza kbira.
“Dan ifisser għalina, mhux talli qed tuża l-ilma minflok jinħela qed tużah tajjeb, u qed jintuża fejn jiġu ffrankati l-flus. Aħna mhux hekk ix-xewqa tagħna, aħna għandna xewqa oħra li dawn l-ilmijiet kollha, fejn fil-Birgu għandna madwar 22 bir u ġibjuni ta’ din il-kwalità, jibdew jintużaw ukoll għall-faċilitajiet sanitarji għan-nies u r-residenti kollha, li jista’ jsir u nistgħu naħsbu għalih ukoll biex ikun hemm proġett kapitali kbir.”
John Boxall, Sindku Birgu