Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta reġa’ qiegħed tard fil-preżentazzjoni tal-kontijiet awditjati tiegħu. Il-kontijiet awditjati jintalbu mid-Dipartiment għallGvern Lokali biex ikun jista’ josserva l-prestazzjoni finanzjarja tal-Kunsilli Lokali diversi u saħansitra jkunu awditjati mill-Awditur Ġenerali f ’rapport annwali.
Din hi r-raba’ sena konsekuttiva li dawn il-kontijiet se jkunu ddaħħlu tard, bl-unika differenza minn sena għall-oħra hi li iktar ma jgħaddu snin iktar qed ikunu ppreżentanti tard il-kontijiet ta’ dan il-Kunsill li għandu iktar minn €700,000 dejn.
Sal-lum għadhom mhumiex ippreżentanti l-kontijiet awditjati tas-sena 2016 anke jekk dawn kellhom ikunu ppreżentati sas-17 ta’ Frar tas-sena li għaddiet biex il-Kunsill Lokali qiegħed sena tard.
Iżda din mhix l-ewwel darba li l-Kunsill kien sena tard. Il-kontijiet awditjati tal-2015 kienu daħlu għand id-Dipartiment tal-Gvern Lokali fit-8 ta’ Jannar, 2018 meta suppost daħlu fid-19 ta’ Frar, 2016. Il-kontijiet tal-2014 kienu daħlu fit-12 ta’ Ottubru, 2016 meta dawn suppost daħlu fl-20 ta’ Frar, 2015.
Fil-każ tal-2013 il-kontijiet kienu ddaħħlu madwar tliet xhur tard. Biex jirriżulta li minn hemm ’il quddiem marret lura u mhux ’il quddiem din is-sitwazzjoni.
Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta hu mmexxi mill-Professur Alexis Dingli u fl-aħħar snin kien fil-mira ta’ kritika kbira minn persuni Beltin għall-mod kif proġetti importanti għal-lokalità tħallew jaqgħu lura.
Filfatt l-ikbar proġetti fil-Belt Valletta jafu lkoll il-Gvern Ċentrali. L-istess Gvern Ċentrali li fl-aħħar xhur bidel is-sit tal-Café Premier f ’sit għall-Kunsill Lokali, biex ir-residenti tal-Belt illum għandhom sit addattat u ċentrali fejn imorru jieħdu servizzi tant bżonjużi.