Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar se jkollu jirrifondi aktar minn disgħin elf ewro u jrid jagħmel dan fi żmien tletin jum. Dan kien ir-riżultat ta’ deċiżjoni oħra żbaljata minn amministrazzjoni Nazzjonalista tal-istess kunsill, waqt li kien taħt it-tmexxija ta’ Graziella Galea, illum rappreżentanta tal-poplu fl-ogħla istituzzjoni u Kelliema tal-Oppożizzjoni fuq il-Inklużjoni u l-Volontarjat.
L-aħbar taha s-Sindku attwali Laburista Alfred Grima li, f’messaġġ fuq Facebook, ħabbar li l-Kunsill qed jiffaċċja “bomba finanzjarja oħra”, minħabba diskrepanzi fi ħlasijiet li kienu saru f’kuntratt tal-Kunsill fl-2018.
Grima aċċenna li dan hu kaġun ta’ bosta nuqqasijiet li ġraw taħt amministrazzjoni preċedenti sal-2019, li sa sena qabel kienet taħt ir-responsabbiltà tad-Deputata Galea qabel irriżenjat minħabba nuqqas ta’ appoġġ.
Meta semma “bomba oħra”, is-Sindku attwali kien qed jirrefera għaċ-ċifra enormi ta’ madwar kwart kwart ta’ miljun ewro f’danni li l-Kunsill ġie ordnat mill-Qorti tal-Appell biex iħallas ix-xahar li għadda b’riżultat ta’ sentenza fil-każ sfortunat ta’ tfajla Ukrena li spiċċat paralizzata f’siġġu tar-roti wara inċident f’festin fil-Qawra fl-2008.
Dak iż-żmien Kunsill, immexxi minn Graziella Galea wkoll, kien iddeċieda li kontra l-prassi japplika hu għal permess ta’ dan il-festin fil-Qawra u allura daħal parteċipi fir-responsabbiltà tiegħu, flimkien mal-organizzatur. Meta suppost kellu jkun biss kollaboratur.
Dakinhar fl-inċident kienu weġġgħu aktar persuni wara li r-riħ qawwi qaleb apparat tad-dawl għal fuq in-nies. Fl-2017, il-Qorti kienet sabet li kien hemm traskuraġni ft-tħejjijiet, inkluż fejn jidħlu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post.
Ix-xahar li għadda, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza, iżda wkoll għolliet id-danni li kellha tirċievi t-tfajla Ukrena.
Dwar dan irraportat il-gazzetta it-Torċa ftit tal-ġimgħat ilu fejn ukoll innotat li, minbarra dan, il-Kunsill kien qed iħallas €3,000 fis-sena għal ħlasijiet legali sa mill-2011.
Dwar dan, is-Sindku attwali Alfred Grima tenna li dawn il-multi fenomenali ma jfissru xejn għajr aktar piżijiet li fl-aħħar mill-aħħar irid iħallashom il-poplu.