Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar ressaq talba lill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u Transport Malta biex il-venda l-antika u Pjazza Ġużeppi Pace jingħataw lill-poplu Żabbari u lil kull min iżur il-lokal u fi tmiem il-ġimgħa jsiru pedonali mingħajr aċċess għall-vetturi.
Dan tħabbar mis-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech, fuq il-midja soċjali.
Hu spjega li, fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill, ressaq proposta biex kull nhar ta’ Sibt, minn tard wara nofsinhar sa filgħaxija, l-aċċess għal vetturi f’dawn iż-żewġ postijiet ikun wieħed limitat, biex jinħoloq bilanċ fl-ispazji pubbliċi u jingħataw spazji rikreattivi ġodda fil-lokal.
Is-Sindku Laburista temm jgħid li l-iskop ewlieni hu li l-qalba ta’ Ħaż-Żabbar tinżamm ħajja u attiva, fl-aqwa interess tar-residenti u l-lokal.
Din l-aħbar tasal proprju fl-istess ġimgħa li l-Kunsill Lokali tal-Mosta, li għandu maġġoranza Nazzjonalista, irid ireġġa’ lura d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni preċedenti li l-Pjazza tal-Mosta tkun tista’ titgawda mill-pubbliku nhar ta’ Sibt filgħaxija u l-Ħadd ġurnata kollha.
Fil-fatt riżoluzzjoni mill-istess Kunsill Mosti, immexxi mis-Sindku Joe Gatt, tesiġi li l-pjazza terġa’ tibda tintuża mill-vetturi bħall-kumplament tal-ġimgħa.