Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista kkundanna ‘l dawk li qegħdin jattakkaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
B’referenza ċara għall-esponenti qrib ta’ Simon Busuttil, l-Erbgħa filgħaxija, is-Segretarju Ġenerali, Clyde Puli ħareġ jaqra stqarrija bl-eżitu ta’ laqgħa li ħadet aktar minn erba’ sigħat.
“Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ llum u b’mod unanimu ddikjara l-fiduċja u l-appoġġ tiegħu lilll-kap tal-partit Dr Adrian Delia filwaqt li kkundanna bl-aktar mod kategoriku l-attakki kkordinati u malizzjużi li qed isiru kontra tiegħu u kontra l-partit.”
Il-Kunsill Amministrattiv huwa magħmul minn ċirku ta’ nies qrib ħafna ta’ Adrian Delia. L-istess nies li ftit tax-xhur ilu vvutaw biex jeliminaw lil Simon Busuttil wara li ġiet iċċertifika l-gidba Egrant. Wara l-vot, Puli ddikjara wkoll li kollox jinsab buisness as usual.
Minkejja din id-dikjarazzjoni, meta kien mistoqsi dwar data li fiha kien se jitlaqqa’ l-grupp parlamentari Nazzjonalista, li jinsab maqsum, il-Kap Adrian Delia ma tax data oħra.
Meta reġa’ mistoqsi dwar meta se jlaqqa’ d-deputati sabiex jiġi diskussi l-allegazzjonijiet dwaru, fosthom dawk ta’ ħasil ta’ flus minn briedel f’Soho, Delia wieġeb li dak mhux kompitu tal-grupp Parlamentari. Hawnekk Delia qal li “il-grupp parlamentari jiltaqa’ regolarment u kull meta jkun hemm xi issues fil-Parlament”
Minkejja li hija membru tal-Amministrattiv, Kristy Debono, li żewġha ċeda s-siġġu Parlamentari lil Delia, b’eżistazzjoni kbira ddikjarat li ma kinitx taf x’kien hemm fuq l-aġenda tal-laqgħa.
Hija wieġbet “tonight’s meeting is a monthly meeting that we organise, that is set every month, so I wouldn’t know where the agenda, where it would go”
Anqas minn minuta wara, meta reġgħet ġiet mistoqsija jekk l-aġir tal-Kap kienx se jiġi diskuss, Debono biddlet il-verżjoni u qalet “apparently it is not as one of the items on the agenda”
Intant, minkejja dawn l-inċertezzi kollha, bl-aktar mod surreali,Delia ddikjara li fil-partit m’hemmx problemi. Huwa qal “meta ngħidu riżolta qisu hemm xi ħaġa x’jiġi riżolt. M’hemm xejn x’jiġi riżolt fil-PN.”
Puli ħarab ukoll milli jwieġeb dwar jekk hux se jittieħed vot fi strutturi oħra tal-Partit.
Filfatt, qed jiġi rrapurtat lil-President tal-Kunsill Eżekuttiv, Mark Anthony Sammut diġà qed jiġbor il-firem tad-Deputati kontra l-kap Adrian Delia.
Delia kkonferma dan ukoll hekk kif meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk għandux is-sosten ta’ dan il-Kunsill u tal-Grupp Parlamentari huwa qal li ma kienx jaf.