Il-kompożizzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se tiġi aġġornata biex jiġu rikonoxxuti u inklużi entitajiet li qed jagħtu kontribut lill-ilsien Malti bil-ħidma tagħhom kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.
Meta introduċa t-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Ilsien Malti, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li issa l-Kunsill se jkun magħmul minn 13-il membru.
Il-president, maħtur mill-Prim Ministru, se jkun magħżul minn fost persuni stabbiliti u kwalifikati fl-istudju tal-Malti u li jiġu rakkomandati flimkien jew separatament mill-Akkademja tal-Malti u mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università.
Fil-Kunsill se jkun hemm rappreżentanti tal-Akkademja tal-Malti, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università, l-Istitut tal-Lingwistika fl-Università, id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni li ġej mill-qasam tal-Kurrikulu Nazzjonali nominat mill-Ministru, rappreżentant tal-Kunsill Malti għall-Arti nominat mill-Kunsill, l-Avukat Ġenerali jew rappreżentant tiegħu, liema rappreżentant ikun persuna esperta u involuta flabbozzar u t-traduzzjoni tal-leġislazzjoni, u rappreżentant elett minn fost il-membri tal-Kumitati tal-Għaqdiet tal-Malti u tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
Se jkun hemm ukoll erba’ rappreżentant ġodda, li huma l-Awtorità tax-Xandir, id-Dipartiment tal-istudji tat-Traduzzjonijiet, Terminologija u Interpretazzjoni fl-Università, rappreżentant tal-pubblikaturi Maltin; u rappreżentant tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.