Il-Kunsill Nazzjonali tal-Bini, li hu magħmul mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi u l-Kamra tal-Periti, tkellem dwar il-ħtieġa ta’ strateġija fit-tul f’dan is-settur u li tmur lil hinn minn dak irrakkomandat fl-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Dan intqal fi stqarrija tal-kunsill nazzjonali, ġurnata qabel mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista tiġi diskussa fil-Parlament f’seduta l-Ħamis. Il-mozzjoni, ippreżentata mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, qed jintalab li, speċifikament, jitkeċċew ukoll tliet Ministri tal-Gvern.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Bini, fost oħrajn, innota kif f’din il-mozzjoni qed ikun mitlub li r-rakkomandazzjonijiet fis-settur tal-bini wkoll jitlestew fi żmien sitt xhur.
Iżda l-Kunsill tenna li l-pjan għandu jaħseb għall-ħtiġijiet ta’ issa u tal-ġejjieni, waqt li dan għandu jseħħ f’qalba li tkun sostenibbli. Għaldaqstant wissa dwar effetti ta’ riforma mgħaġġla, kif qed tesiġi l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.
Fost dawn hemm dik ta’ burokrazija żejda u aktar inċident li jfixklu minflok itejbu l-għan prinċipali.
Intqal ukoll kif hemm bosta riformi msemmijin fl-Inkjesta Sofia u għaddej xogħol fuqhom. Dan filwaqt li għaddej ix-xogħol biex jiddaħħlu fis-seħħ bosta miżuri oħrajn.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Bini appella li r-rakkomandazzjonijiet għandhom bżonn diskussjoni serja u m’għandu jittieħed l-ebda gwadann politiku minn din it-tip ta’ diskussjoni.
Ġie nnotat ukoll li fis-settur tal-kostruzzjoni jaħdmu mal-40,000 persuna.