Wara li ġie żvelat li Kunsill Nazzjonalista fil-Mosta, immexxi mis-Sindku Joe Gatt, iddeċieda li bla konsultazzjoni ta’ xejn iressaq riżoluzzjoni biex jibdel żona pedonali fil-qalba tal-lokal u biex mill-ġdid tinfetaħ għat-traffiku l-ġimgħa kollha, l-organizzazzjoni Żminijietna – Leħen ix-Xellug sostniet li, bil-maqlub, il-Kunsill għandu jappoġġja żoni pedonali u jinvesti f’teknoloġija AI li tgħaqqad l-istess rotot pedonali.
Kunsill preċedenti fil-Mosta, li kien immexxi mis-Sindku Laburista Chris Grech, kien ħaseb biex il-proġett massiċċ tal-pjazza u l-madwar, li ġie inawgurat fil-5 ta’ Ġunju li għadda mill-Prim Ministru Robert Abela, joffri żona aċċessibbli għan-nies mis-Sibt filgħaxija sal-Ħadd filgħodu.
Soluzzjoni, li Żminijietna nsistiet li għandha tibqa’ sostnuta u mhux eliminata.
Fuq il-midja soċjali, Jason Micallef ħabbar it-Tnejn li l-Kunsill attwali Nazzjonalista ressaq riżoluzzjoni biex mill-ġdid iġib il-pjazza għall-użu tal-vetturi biss il-ġimgħa kollha. Deċiżjoni li turi l-ipokrezija u l-wegħdi fiergħa tal-Partit Nazzjonalista, li jipprietka li għandu l-ambjent u l-komunitajiet għal qalbu.
Fi stqarrija, l-għaqda mhux governattiva, iżda, appellat lill-Kunsill il-ġdid Mosti biex jaħdem għal sitwazzjoni fejn kulħadd ikun rebbieħ fil-każ li din il-pjazza ewlenija tingħalaq parzjalment għat-traffiku. Żminijietna saħqet li żoni pedonali, anke jekk għal żmien limitat, għandhom jiġu promossi u mhux bil-maqlub.
L-organizzazzjoni żiedet tgħid li diversi studji wrew li, kull fejn hemm bliet li jagħtu importanza lil xi żona jew żoni pedonali u l-użu tar-roti, dawn raw żieda fin-numru ta’ nies li jżuruhom.
Flimkien ma’ dan, Żminijietna qalet li l-istess Kunsill għandu wkoll jippromwovi l-mixi, waqt li jinforma lill-pubbliku bl-aħjar rotot għall-mixi.
L-istess organizzazzjoni tenniet bl-appell biex għaqdiet soċjali, ambjentali u kulturali jwasslu dan il-messaġġ ukoll lill-Kunsill tal-Mosta ħalli jirtira r-riżoluzzjoni, li mistennija tiġi deċiża f’Ottubru li ġej. Tenniet li sistema ta’ rotot pedonali siguri u ppjanati jħallu impatt pożittiv fuq l-għajxien tar-residenti, speċjalment tat-tfal u tal-anzjani.