Il-Kunsill Mediku Malti mhux se jkun qed jappella minn deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li remiet investigazzjoni fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista, it-Tabib Stephen Spiteri, dwar ċertifikati li dan allegatament ħareġ mingħajr biss eżamina lill-pazjenti tiegħu.
Irrapportat dwar dan il-gazzeta The Times, fil-ħarġa tagħha tal-Erbgħa hekk kif ikkwotat lill-istess Kunsill Mediku Malti jgħid li ħa nota tad-deċiżjoni tal-Qorti u qed jevalwa legalment it-triq ’il quddiem b’rabta ma’ investigazzjonijiet oħrajn li setgħu ġew ippreġudikati fid-dawl ta’ din is-sentenza.
Madwar ġimagħtejn ilu, il-Qorti Kostituzzjonali sabet li nkiser id-dritt fundamentali ta’ smigħ xieraq ta’ Dr Spiteri minħabba n-nuqqas ta’ imparzjalità tal-Kunsill f’dawn it-tip ta’ investigazzjonijiet.
Dan il-każ tat-Tabib Spiteri ħoloq skumdità kbira fil-Partit Nazzjonalista partikolarment fl-aħħar jiem.
Fil-fatt, il-gazzetta KullĦadd ikkwotat sorsi fid-Dar Ċentrali li wrew xettiċiżmu kbir meta Grech bagħat l-awguri tiegħu lil Spiteri appena nqatgħet favurih id-deċiżjoni mill-Qorti Kostituzzjonali.
Dan għax l-investigazzjoni fil-konfront ta’ Stephen Spiteri kienet skattat proprju wara stejjer li ħarġu fil-portal Lovin Malta, li fl-2018 kien għadu proprjetà ta’ Chris Peregin.
Persuni qrib il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista dejjem sostnew li Peregin kien fost l-aktar li imbottaw din l-istorja. Miegħu kien hemm ukoll nies tal-establishment tal-PN.
Iżda dakinhar Bernard Grech ma tantx kien inkwieta għal Spiteri, għax lil dawk l-istess eponenti kien ippremjahom, waqt li lil Peregin tah waħda mill-aktar karigi importanti fil-Partit: dik ta’ strateġista ewlieni.
“Ma tantx ta kas lil min kien poġġa lit-tabib f’nofs l-attakk, anzi ppromwovieh u flimkien ma’ dawk id-deputati li poġġewh (lil Grech) fil-kariga ma tantx kienu ta’ spalla, lanqas, għat-tabib,” qalu s-sorsi tal-KullĦadd fil-kumitati sezzjonali tat-Tieni Distrett, fejn jikkontesta Spiteri.
Huma fakkru wkoll li, waqt li Spiteri kien għaddej minn dan kollu, il-Kap ried ineħħih minn Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa. Fil-fatt, fil-bidu tal-2021 kien sar theddid serju ta’ riżenji minn kumitati sezzjonali li wasslu biex il-parir ta’ Peregin u oħrajn qrib Grech ma jiġix attwat, u Spiteri baqa’ fil-kariga.
Dakinhar Grech ried jagħmel reshuffle li ma rnexxitlux jagħmlu hekk kif kompla joħroġ ċar kif fil-PN Grech jitmexxa u mhux imexxi.